Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħallas aktar minn $5 miljun f’danni lill-kittieba E Jean Carroll tliet snin wara li nstab ħati li abbuża minnha sesswalment u malafamaha. Il-ħlas tad-danni kien ikkonfermat mill-avukati ta Carroll stess.
Trump kien qed jagħmel pressjoni biex idewwem il-ħlas tad-danni, sabiex jitlob lill-Qorti Suprema terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li ma tismax l-appell tiegħu tal-każ. Iżda l-ġimgħa li għaddiet, l-imħallef li kien qed jissorvelja l-każ ordnalu jħallas id-danni.
Stqarrija mit-tim legali ta’ Carroll ikkonfermat li hija tħallset aktar minn $5.62 miljun – il-$5 miljun mogħtija f’danni flimkien mal-imgħax akkumulat matul l-appell.
Carroll, eks kolumnista ta’ rivista li issa għandha 82 sena, kienet akkużat lil Trump li f’nofs is-snin disgħin kien attakkaha fi dressing room ta’ ħanut kbir Bergdorf Goodman f’Manhattan, u aktar tard iddiffamaha fuq il-websajt tiegħu Truth Social f’post tal-2022 fejn ċaħad l-allegazzjonijiet tagħha.
Fl-2023, ġurija fi New York unanimament tat lil Carroll id-danni fuq it-talba tagħha. Trump ċaħad l-allegazzjonijiet iżda poġġa d-danni f’kont ikkontrollat mill-qorti ftit wara l-verdett, u nżamm hemm waqt li kien għaddej il-proċess tal-appelli.
L-avukati ta’ Trump, bħalma għamlu dejjem f’każijiet oħra, din idarba wkoll iddeploraw id-deċiżjoni tal-imħallef li kkonferma l-ħlas tad-danni, u sejħu l-każ “ingann” u “Kaċċa għas-Sħaħar” filwaqt li allegaw li kienet iffinanzjata mid-Demokratiċi.
Trump ripetutament allega li l-Imħallef Lewis Kaplan, li ppresieda l-proċess fil-qorti ċivili, ammessa b’mod mhux xieraq evidenza li ppreġudikat lill-ġurija kontrih.
Minkejja dawn l-allegazzjonijiet kollha mid-difiża ta Trump, il-Qorti Federali tal-appell qablet mal-verdett tal-ġurija s-sena l-oħra u qalet li l-Imħallef Kaplan ma għamilx żbalji li jiġġustifikaw li l-proċess isdir ġdid.
Il-Qorti Suprema x-xahar li għadda ċaħdet it-talba ta’ Trump biex tikkunsidra l-każ, u wittiet it-triq biex il-flus f’danni jitħallsu lil Carroll.
Trump appella wkoll kontra deċiżjoni ta’ ġurija oħra fl-2024 li sabitu responsabbli talli malafama lil E Jean Carroll f’każ separat u tatha kważi $84 miljun. Bord ta’ mħallfin federali kien ċaħad l-appell ta’ Trump is-sena l-oħra.




