Għal darba oħra, wara żmien ta’ pandemija, il-poplu Malti u Għawdxi kollu reġa’ ngħaqad għall-Fun Run tal-President. Attività fiżika li tgħaqqad eluf ta’ persuni li b’pass varjat, ikopru ċertu distanza filwaqt li jagħtu donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund. Is-somma li tinġabar minn din l-attività, finalment tiġi ppreżentata dakinhar ta’ L-Istrina, il-ġurnata li l-pajjiż bħal jieqaf u jikkonċentra fuq l-għajnuna lil dawk inqas ixxurtjati biex qalb it-tbatijiet li jkunu għaddejjin minnhom isibu għajnuna finanzjarja biex ikomplu jiġġieldu kontra l-mard.
Fejn jidħlu fondi, nemmnu li ma tantx hemm fejn nikkummentaw. Għalkemm skont it-tbassir finanzjarju mill-Ministru konċernat u aġenziji internazzjonali juri li l-ekonomija tal-pajjiż se tkompli tissaħħaħ b’reżiljenza quddiem sfidi internazzjonali, il-poplu tagħna tkun xi tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, għandu x’għandu fil-but, dejjem se tarah idaħħal idejh fil-but biex jgħin kif jista’. Din hija xi ħaġa li tibqa’ tiddistingwina minn popli oħra. Minkejja ċ-ċokon tagħna, minkejja numru ta’ problemi u anke difetti, niesna qatt ma jibqgħu passivi quddiem il-bżonn tal-għajnuna.
L-għaqda. L-għaqda huwa kunċett ieħor li jispikka f’dawn iż-żminijiet. Minkejja li matul is-sena jkun hawn diversi argumenti, anke fejn jidħlu l-politiċi, quddiem il-bżonn li jitwassal il-messaġġ favur l-għajnuna lill-batut, il-mexxejja politiċi jingħaqdu biex lil hinn mill-ilwien tal-partiti rispettivi tagħhom, il-messaġġ ikun wieħed ta’ għaqda u mħabba lejn xulxin.
Iżda fil-verità, biżżejjed li nagħtu donazzjoni għal L-Istrina? Biżżejjed li ningħaqdu f’dawn il-jiem ta’ festi? Biżżejjed li ngħinu bl-għotjiet finanzjarji? Nistaqsu dawn il-mistoqsijiet quddiem persuni oħrajn li qed ibatu fis-skiet ta’ djarhom. Filwaqt li nagħdru lil dawk li qegħdin ibatu f’sitwazzjonijiet ta’ mard, hemm familji oħrajn li għandhom diffikultajiet oħrajn li ma narawhomx fuq it-televiżjoni fost numru ta’ appelli li jsiru f’dawn iż-żminijiet. Jiġuna f’moħħna dawk bi problemi ta’ solitudni u mobbiltà fiżika f’dawn il-ġranet. L-għajnuna biex dawn il-persuni jiġu trattati b’dinjità kompliet tiżdied matul dawn l-aħħar snin, iżda jibqa’ l-fatt li hemm bżonn li naħdmu aktar biex kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla bi swied ta’ qalb f’dawn iż-żminijiet li niċċelebraw l-imħabba u l-kuntentizza.