Waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-ewwel grupp ta’ studenti MBBS mill-Queen Mary University of London, il-Kampus ta’ Malta, il-President George Vella wissa lill-gradwati l-ġodda li, bħala tobba, iridu jkunu dejjem hemm għall-oħrajn peress li l-professjoni medika mhix xi tip ta’ negozju.
Il-President Vella qal lill-gradwati li t-taħriġ iebes huwa togħma tal-istandards għoljin mistennija minnhom fil-professjoni medika tagħhom. “Dan huwa l-ewwel pass fil-karriera tagħkom. Naf li ħafna minnkom għażiltu li tkomplu tispeċjalizzaw fl-istudji tagħkom. Irrispettivament mit-triq li tagħżlu għall-aspirazzjonijiet futuri tagħkom, kunu afu li fil-professjoni medika jsiru avvanzi ta’ kuljum, u biex it-tobba jibqgħu aġġornati fil-prattiki tagħhom, iridu jagħmlu taħriġ mediku kontinwu”, qal il-President.
Il-President fakkar lill-gradwati l-ġodda li bħala tobba jridu jkunu lesti li jisimgħu lill-pazjenti tagħhom, li jħossuhom aktar komdi jitkellmu mat-tabib tagħhom milli ma’ konsulent. Illum il-ġurnata, u b’mod speċjali fis-snin li ġejjin, żied jgħid il-President, “m’intomx se tittrattaw biss is-sintomi tal-pazjenti, iżda ser tiffaċċjaw ukoll mistoqsijiet u tintalbu pariri dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li jiġu diskussi kontinwament fil-midja soċjali u fis-soċjetà inġenerali”. Il-President Vella semma kwistjonijiet marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva, ma’ problemi ta’ tmiem il-ħajja, aspetti soċjali differenti tal-kura medika u kif l-aħjar li jiġu kkalkolati r-riskji tat-trattament meta mqabbla mal-benefiċċji tal-istess trattament, terapiji ta’ riassenjament tal-ġeneru, eċċ.
Fid-diskors tiegħu, il-President ħeġġeġ lill-gradwati wkoll biex iżommu l-istandards etiċi għoljin tal-professjoni medika, dejjem u kullimkien.