Thursday, December 11, 2025

ŻUNŻAN

Aqra wkoll

Dan l-aħħar mal-Ewropa tal-Punent, mill-Istati Baltiċi sal-Italja, qam l-inkwiet dwar iż-żunżan elettroniku li beda jtir madwar infrastruttura kritika, l-aktar ajruporti li anke ingħalqu matul il-lejl. Donnu nstab li l-protezzjoni interna fil-pajjiżi Ewropej kontra t-taħwid li jista’ jsir biż-żunżan kienet dgħajfa għal-aħħar. Pereżempju: min kellu r-responsabbiltà għaliha, il-forzi tal-pulizija interna jew tal-armata nazzjonali? 

Stramb wkoll kien kif f’ħafna każi, l-awtoritajiet ma setgħux jgħidu min kien qiegħed itajjar iż-żunżan. Ħlief li minnufih issemmew u tperrċu suspetti li kienu organizzati mir-Russja biex “tittestja” lill-Ewropej. Dan rabat max-xenarju li nfirex mal-Ewropa kemm ilha li bdiet il-gwerra tal-Ukrajna: l-Ewropa trid tara kif se tiddefendi ruħha mit-theddida tar-Russja.

Biss jekk hu minnu li dal-pajjiż kien responsabbli għad-disturbi taż-żunżan, tqum mistoqsija inkwetanti: għaliex is-sigurtà Ewropea tant tħalliet dgħajfa li potenza barranija tista’ torganiżża ż-żunżan kontra ajruport bħal ta’ Munich, mid-dehra bl-akbar faċilità?

EUROVISION

Moralment u politikament, ma kellux ikun hemm triq oħra denja tal-indipendenza u n-newtralità ta’ pajjiżna, ħlief li Malta tagħmel bħall-Irlanda, Spanja u l-Olanda, u tirtira mill-konkors tal-Eurovision tas-sena 2026. 

Il-parteċipazzjoni fih ta’ Iżrael se sservi ta’ appoġġ u apoloġija għad-delitti tal-gwerra li dak il-pajjiż wettaq fil-Gaza bl-akbar impunità.

L-argument li l-arti tiġġustifika din il-parteċipazzjoni għax permezz tagħha l-valuri umani jisseddqu fid-djalogu u l-konvivenza, hu argument buffu u ipokrita. Għax allura messu japplika ukoll għar-Russja u l-Belorussja, esklużi mill-konkors minħabba l-gwerra tal-Ukrajna.

L-AMERIKA

Id-dokument li ħareġ il-ġimgħa li għaddiet mid-Dar il-Bajda dwar l-istrateġija ta’ sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti ixxokkja lil ħafna fl-Ewropa, gvernijiet inklużi. Jippreżenta viżjoni ta’ kif l-Istati Uniti jaraw posthom fid-dinja u kif għandhom iqisu lil ħaddieħor li hi radikalment differenti minn dik li ħaddnu l-Istati Uniti mis-snin meta Roosevelt u Churchill fasslu l-pedamenti tal-Alleanza Atlantika u wara, meta Henry Kissinger irtokkaha bir-real politik tiegħu. Immarkata bl-istil bombastiku tal-amministrazzjoni Trump, l-istrateġija l-ġdida tagħti xhieda ta’ fehma dispreġjattiva dwar il-qagħda politika Ewropea u hi mnebbħa bi premessi li fl-Ewropa jitqiesu tal-lemin estrem.

Minkejja dan kollu, ikun żball jekk id-dokument ma jingħatax l-attenzjoni, mhux biss għax inħareġ minn amministrazzjoni li tinsab fil-poter. Aktar minn hekk, jagħmel stqarrijiet dwar x’għandha tkun il-politika Amerikana li qatt ma ntqalu qabel minn dal-livell. Fuq quddiem nett insibu l-istqarrija li l-Istati Uniti m’għandhomx ifitxxu li “jiddominaw” id-dinja. Veru li ċerti proposti oħra fl-istrateġija jinħassu li qed jikkontradixxu dan l-għan. Biss il-fatt li qed jitpoġġa ’l quddiem b’dal-mod hu sinjifikattiv. 

Baqa’ ħafna aktar xi tgħid fuq dad-dokument xejn tas-soltu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport