… imma ma jingħatax raġun
Kellu paġa ta’ €15,000 fix-xahar. Ma’ dawn imbagħad kellu allowance għall-akkomodazzjoni ta’ €3,500. Magħhom kellu pensjoni ta’ €2,500 fix-xahar bħala parti mill-pakkett finanzjarju u s-somma tal-pensjoni jeħodha biex jinvestiha kif irid. Kellu ukoll l-iskola tat-tfal imħallsa. B’kollox total li jlaħħaq għal €30,000 fix-xahar. Xogħlu kien ma kumpanija fl-internet gaming.
Thomas Rosander kien impjegat bħala Chief Product Officer fuq kuntratt definit. Hu lmenta li kien ġie infurmat mill-kumpanija li kellu bżonn jirriżenja u proprju tlett ijiem wara twaqqaf mill-impjieg. Hu kien ġie offrut kumpens ta’ €282,000, xi ħaġa li m’aċċettax u minflok talab kumpens finanzjarju ta’ €351,000, xi ħaġa li m’aċċettatx il-kumpanija Mr Green, li magħha kien jaħdem. Hu fetaħ proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali iżda t-talba tiegħu li tkeċċa b’mod inġust u talab ħlas ta’ arretrati ta’ paga, bonus, vaganzi, benefiċċji oħra dovuti u kumpens għal terminazzjoni. It-talbiet tiegħu ma’ intlaqgħux mit-tribunal.
Dwar dan il-każ il-kumpanija qalet li “l-preżenza ta’ Rosander mal-kumpanija ma kinitx għadha possibbli jew vijabbli mhux biss għax dan l-impjegat ma kienx qed jirrendi skont il-kuntratt u, jew a sodisfazzjoni tad-ditta tenut kont tal-paga li kien qed jitħallas imma ukoll għax l-impjegat minkejja l-paga tajba li kellu ħass li seta’ jagħmel kif ifettillu u kontinwament ma jobdiex u ma jqisx ordnijiet tas-superjuri tiegħu. Minkejja li ngħata opportunità biex jibdel l-attitudni tiegħu hu baqa’ ostinat fin-nuqqasijiet tiegħu.”
Il-kumpanija qalet li “mhuwiex minnu li l-impjegat kien strumentali biex jintrebħu xi premjijiet li mingħajru ma kienux jintrebħu u mhuwiex minnu li l-kumpanija kienet ferħana bix-xogħol li kien qed jagħmel l-impjegat – anzi l-oppost. F’każ partikolari minkejja li ġie mitlub jagħmel laqgħa ma’ mpjegat tajjeb u promettenti li l-kumpanija rnexxilha timpjega hu naqas li jwettaq is-suġġeriment u l-impjegat spiċċa telaq mid-ditta. L-impjegat ma kienx qed jagħti każ u kien qed juża attitudni ta’ “x’jimpurtani!” – tant li ċerti ħaddiema kienu qed jheddu li jitilqu jekk ma jibdilx il-metodi u l-attitudni tiegħu lejhom u lejn ix-xogħo. Hu kien qed jonqos li jirritorna flus li hu kien dovut jirritorna lill-kumpanija bħala ħlas lura ta’ taxxa li tkun tħallset żejjed mid-ditta. Hu kien iżjed intiż biex jara x’jista’ jieħu għalih innifsu u kif jista’ jżid il-benefiċċji tiegħu milli jara x’seta’ jagħmel biex itejjeb il-prestazzjoni tiegħu għall-benefiċċju tal-kumpanija.”
Tenniet li “l-impjegat li ma kienx qed jagħmel xogħlu u meta jagħmlu kien qed jagħmlu tard u biss wara li jiġi mġiegħel u dan meta l-pożizzjoni u l-paga tiegħu kienu jitolbu minnu li juri inizjattivà, ħeġġa u impenn. Il-paga għolja li kellu kienet proprju għax kien mistenni impenn għoli mill-impjegat. Imma dan l-impenn ma kienx qed jiġi muri minnu. L-impjegat ingħata l-opportunità biex jirranġa u jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu imma lanqas dan iċ-ċans m’għaraf jieħu u minflok l-impjegat baqa’ jagħmel affarih anke b’insubordinazzjoni lejn uffiċjali ogħla minnu. Tant li l-istess Thomas Rosander b’qerq kbir ċempel lill-avukat tal-kumpanija u ta’ bi ruħu li qed isaqsi parir għall-kumpanija u staqsa lill-istess avukat tal-kumpanija x’setgħet tagħmel id-ditta biex teħles minn impjegat li kien qiegħed idejjaqha u li minnu riedet teħles. Dan meta hu ma kienx l-HR Manager u meta ħadd ma talbu jagħmel dik ir-riċerka, ovvjament hu ha dan il-pass malinn u qarrieqi biex jonsob lill-avukat u lid-ditta u jkun jista’ jipprova jagħraf il-passi li kienet setgħet tagħmel id-ditta fil-konfront tiegħu.” Qalet ukoll li l-impjegat f’każ minnhom daħal għax-xogħol fis-sakra u għalkemm ma ngħatax twissija dan il-fatt kien gie rilevat u mqieghed ghall-attenzjoni tiegħu.”
Minn naħa tiegħu l-impjegat Thomas Rosander kien qal meta xehed li “jinsab bla xogħol u baqa’ jgħix Malta. Huwa Żvediż u qabel ma beda jaħdem mal-kumpanija hu kien jaħdem għall-Electronic Arts, u qabel ma’ Bewin u qabel Bewin ma’ OnGame.” Huwa spjega li Bewin kienet xtrat OnGame u huwa baqa’ fl-impjieg iżda ma’ Bewin hu anke nghata promozzjoni. Huwa ma ngħatax ‘golden handshake’. Huwa kkonferma li ċempel lill-Avukat Raymond Zammit għal parir però innega li huwa kien jaf li Dr Zammit huwa l-avukat tal-kumpanija u ma kkonfermax li huwa ppreżenta ruħu bħala minn Mr Green, iżda kkonferma li kien ċempillu għal parir u Dr Zammit kien qallu li kien ser iċempillu lura. Hu kkonferma li kien impjegat mal-kumpanija bhala Chief Product Officer u li f’dawn l-aħħar xhur huwa kellu l-inkarigu ta’ Chief Operating Officer li skond hu din kienet deċiżjoni tas-CEO. Hu xehed li kien ilu jahdem tlett snin mal-kumpanija imma meta beda jaħdem is-CEO l-ġdid li miegħu kellu relazzjoni tajba ħafna għallinqas hekk ħaseb iżda mbagħad ġara li s-CEO heddu biex jiffirma l-karta u jitlaq mingħajr ebda avviż ta’ xejn. Hu fakkar li huwa kien ha award għall-prodott li huwa ghamel ghall-kumpanija li kien jikkonsisti fi platform ġdida għall-kumpanija li tinkludi ‘a new desktop client,’ a ‘new native client a new android client, sports book and a live casino.’ Huwa spjega li Mr Green hija ‘online entertainment company with casino, new sportsbook u live casino’ u kkonferma li kien ġie mitlub jagħmel prodott ġdid għall-kumpanija u hekk għamel u l-prodott kien ta’ suċċess kbir. Meta mistoqsi li bil-prodott li huwa żviluppa klijenti ma kienux jistgħu ihallsu, ma kienux jistgħu jieħdu l-flus meta kienu jirbħu għax il-prodott ma kienx komplut, huwa wieġeb li din hija gidba u n-numri u r-riżultati tal-kumpanija juru mod ieħor u dan jista’ jarah kulħadd.