Monday, April 22, 2024

Arrestata wara li avviċinat omm u allegatament pruvat tixtri lil binha għal $500,000

Aqra wkoll

Mara minn Texas ġiet arrestata wara li allegatament ippruvat tixtri tifel għal $500,000 (£370,912) ġewwa l-ħanut Walmart.

Rebecca Lanette Taylor ġiet arrestata nhar it-Tlieta u akkużata bil-bejgħ jew ix-xiri ta’ tifel, skont NBC News.

Il-mara ta’ 49 sena allegatament avviċinat omm ta’ żewġt itfal fi kju ta’ self-checkout ta’ Walmart fi Crockett, Texas fit-13 ta’ Jannar.

L-omm, li ma ssemmietx b’isimha, kellha lil binha ta’ sena u lit-tarbija tagħha.

Allegatament, Taylor ikkummentat dwar ix-xagħar u l-għajnejn blu ta’ wieħed mit-tfal ta’ din l-omm qabel ma staqsiet “kemm setgħet tixtrih”, skont affidavit li ra NBC News.

Hija kompliet tgħid lill-mara li kellha $250,000 fil-karozza tagħha u li kienet lesta tħallas dan biex tixtrih, iżda l-omm qaltilha li l-ebda ammont ta’ flus ma kienu biżżejjed u li ma kintix se taċċetta li tbigħ it-tifel tagħha.

Mill-affidavit ħarġu dettalji oħra fosthom li Taylor qalet li kienet ilha tgħid li trid tixtri tarbija u li t-tifel ta’ din l-omm kien tajjeb għaliha.

Wara li qalet lil Taylor biex toqgħod ‘il bogħod minn binha, l-omm qalet li ġiet avviċinata minn mara oħra, li kienet mal-akkużata, fejn staqsietha x’jismu binha iżda l-omm irrifjutat li tgħidilha.

Madankollu iż-żewġ nisa jidher li kienu diġà jafu ismu u allegatament bdew jgħajtulu. Huma mbagħad ħarġu mill-ħanut u l-omm bdiet sejra lejn il-karozza. Hekk kif kienet riesqa lejn il-parkeġġ, iż-żewġ nisa bdew jgħajtu u Taylor kompliet tgħid lill-omm li kienet se tagħtiha $500,000 għat-tifel “għax riedet u kienet se tieħdu”, intqal fl-affidavit. Eventwalment, hija daħlet f’karozza sewda u saqet ‘il bogħod.

Il-Pulizija qalet li filmati tas-CCTV li kien hemm fil-ħanut kienu jaqblu mal-verżjoni tal-omm.

Rapporti qalu li Taylor tista’ teħel sa 10 snin ħabs jekk tinstab ħatja.

Sport