Valletta, Malta – Commonwealth Sport Malta llum iċċelebrat mument kruċjali fil-countdown għall-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ 2027, billi żvelat uffiċjalment il-logo u l-brand identity tal-Logħob – 500 jum eżatt qabel jibdew il-logħob. It-tnedija tindika l-bidu ta’ kapitlu ġdid u viżibbli għal avveniment li, għall-ewwel darba, se jressaq lejn Malta l-aqwa talent atletiku żagħżugħ tal-Commonwealth.
Il-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ 2027 se jsir f’Malta u Għawdex mid-29 ta’ Ottubru sal-4 ta’ Novembru 2027, u jilqa’ atleti żgħażagħ minn madwar il-Commonwealth biex jikkompetu fi tmien dixxiplini sportivi.
Ara l-filmat hawn
Logo Imsawwar fl-Identità Maltija
Il-logo uffiċjali ġie ddisinjat mill-aġenzija kreattiva Maltija Concept Stadium u jispira ruħu profondament mill-karattru u l-kultura tagħna bħala gżira li qed tilqa’. Maħsuba biex tkun aktar minn sempliċi brand, l-identità hija ankrata fil-wirt tal-ġebla tal-franka ta’ Malta, fil-kuluri ħajjin tal-luzzu tradizzjonali, fl-enerġija tal-festa tar-raħal, u fir-ritmi tal-ħajja Mediterranja marbuta mal-baħar. Dawn l-elementi jinġabru flimkien permezz ta’ lingwa viżiva li tgħaddi bejn firxiet tal-kuluri tal-brand – li jfakkru fil-moviment tal-mewġ, fis-sħana tad-dawl tal-gżira, u fid-dinamiżmu tal-isport.
Il-logo jintegra l-brand stabbilita tal-Logħob tal-Commonwealth mal-kelma Malta 2027 maħduma fi stil qawwi u kontemporanju, li jirrifletti l-fiduċja tal-gżira tagħna bħala nazzjon żgħir li qed jospita mument internazzjonali sinifikanti. Fil-qalba tal-kunċett hemm ċelebrazzjoni taż-żgħażagħ: uċuħ ġodda, kompetizzjoni reali, u dawk l-istejjer rebbieħa fuq il-podju li jibdew hawn, fuq gżira żgħira f’nofs il-baħar, qabel jivvjaġġaw ferm lil hinn minnha.
In-narrattiva tal-brand – “Fejn l-Isport Jiltaqa’ mal-Kultura” – tgħaqqad l-istorja varjata u rikka ta’ Malta mal-enerġija li tħares ’il quddiem li għandhom il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ atleti tal-Commonwealth, billi tibni fuq xbihat ta’ kompetituri ta’ ġeneri u etniċitajiet differenti, kif ukoll para-atleti, b’konformità mal-ispirtu inklussiv tal-Logħob.
Kai Azzopardi, triatleta u atleta fil-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ 2023, qal:
“Il-parteċipazzjoni tiegħi fil-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ 2023 iffurmat il-mod kif bdejt nara lili nnifsi bħala atleta. Li l-Logħob jiġi ospitat f’Malta fl-2027 ifisser li eluf ta’ żgħażagħ se jaraw din it-triq b’għajnejhom – id-dedikazzjoni, il-kompetizzjoni, u l-kburija li tirrappreżenta lil pajjiżek. Dan huwa l-veru wirt ta’ Logħob f’pajjiżna; mhux biss jispira lill-atleti li jikkompetu, iżda juri lil kull żagħżugħ u żagħżugħa f’Malta li l-palk dinji mhuwiex xi mkien imbiegħed. Huwa proprju hawn.”
Tragwardi Mfasslin mill-Isport u ż-Żgħażagħ
L-avveniment tat-tnedija ġabar flimkien rappreżentanti minn firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi li se jkunu parti mill-programm Malta 2027, flimkien ma’ diversi atleti żgħażagħ Maltin li huma fost dawk li qed jaspiraw għal post biex jirrappreżentaw lil pajjiżhom f’dan il-Logħob. Il-preżenza tagħhom fl-avveniment enfasizzat l-iskop li jinsab fil-qalba ta’ din l-inizjattiva: festival ta’ sport immirat biex jispira lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ atleti.
“Illum niċċelebraw il-bidu ta’ xi ħaġa ġenwinament storika għal Malta. It-tnedija ta’ dan il-logo mhuwiex sempliċement tragward viżiv – huwa dikjarazzjoni tar-rieda u l-ambizzjoni tagħna. Malta hija gżira żgħira, iżda dejjem irnexxielna nagħmlu aktar milli wieħed jistenna minn nazzjon tad-daqs tagħna fil-qalb u l-ħeġġa li bihom nilqgħu lid-dinja. Il-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ 2027 se jkun mument definittiv għal ġenerazzjoni ta’ atleti Maltin u kapitlu ta’ kburija għall-komunità sportiva kollha tagħna. Aħna lesti.”
Julian Pace Bonello, President, Commonwealth Sport Malta
“Il-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ jeżisti biex jagħti lill-ġenerazzjoni li jmiss l-ewwel palk kbir tagħha, u Malta 2027 qed tieħu forma bħala waħda mill-aktar edizzjonijiet konvinċenti li rajna. L-identità mnedija llum tirrifletti dak kollu li jagħmel lil dan in-nazzjon ospitanti speċjali – sens qawwi ta’ post, passjoni għan-nies, u fehim li sport kbir dejjem huwa dwar aktar mir-riżultat. Aħna kburin li qed nissieħbu ma’ Commonwealth Sport Malta biex inwasslu esperjenza li atleti żgħażagħ minn madwar il-Commonwealth se jġorru magħhom għall-bqija ta’ ħajjithom.”
Katie Sadleir, CEO, Commonwealth Sport
“Għall-Gvern Malti, l-ospitar tal-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ huwa kemm unur kif ukoll opportunità. Opportunità biex nuru l-gżejjer tagħna fuq palk globali, biex ninvestu fl-infrastruttura u fil-kultura sportiva li jixirqilhom iż-żgħażagħ tagħna, u biex nuru li Malta mhijiex biss destinazzjoni għat-turiżmu u n-negozju, iżda nazzjon kapaċi jwassal avvenimenti sportivi ta’ livell mondjali. It-tnedija tal-lum hija mument biex il-poplu Malti kollu jkun kburi b’dak li għandna quddiemna.”
Dr Byron Camilleri, Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Malta
B’500 jum sal-ftuħ, it-tnedija tal-brand Malta 2027 tqiegħed fis-seħħ il-programm usa’ ta’ komunikazzjoni u impenn li se jibqa’ jikber lejn il-Logħob permezz tal-isport, il-kultura u l-komunità.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit web Malta 2027 – www.malta2027.com



