Sunday, December 22, 2024

Żvelati aktar messaġġi ta’ politiċi Ingliżi intenzjonati li “jwerwru” bil-Covid

Aqra wkoll

Messaġġi ppubblikati minn ġurnali fl-Ingilterra żvelaw kif l-eks Segretarju tas-Saħħa Matt Hancock kien tal-ħsieb li “jwerwer” lin-nies biex josservaw il-miżuri relatati mal-Covid-19. Dawn il-messaġġi qiegħed ikun allegat li ntbagħtu fiż-żmien li kien beda jinxtered il-varjant Kent, f’liema perjodu l-Ingilterra kienet għaddejja minn lockdown f’tentattiv biex tnaqqas il-firxa. 

F’messaġġi oħrajn, il-Kap tas-servizzi Ċivili Simon Case ssuġġerixxa li l-biża’ kienet kruċjali biex il-gvern ikompli jwassal il-messaġġ tiegħu.

Skont l-istess rapporti, aktar minn 100,000 messaġġ fuq WhatsApp ġew leaked mill-ġurnalista ta’ Telegraph Isabel Oakeshott, liema ġurnalista esprimiet kritika kontinwa għal-lockdowns fil-pajjiż.

F’konverżazzjoni oħra bejn it-tnejn f’Jannar tal-2021 meta kien għadhom fis-seħħ il-miżuri tal-lockdown, Hancock kien kompla jitkellem dwar il-possibbiltà ta’ iktar bidliet fuq dan il-każ.

Min-naħa tiegħu Case kien wissa li bidliet żgħar kienu se jirredikolaw it-tmexxija filwaqt li saħaq li kien hemm bżonn li ċ-ċittadini jħossuhom imbeżżgħin minħabba dak li kien għaddej kawża tal-pandemija.

Messaġġi oħrajn saħansitra jinkludu l-fehma ta’ Boris Johnson li tkellem dwar il-bżonn li l-gvern ikun aħrax fejn tidħol iż-żamma tad-distanza soċjali, b’mod speċjali f’żoni fejn ir-riskju tal-firxa kien ikbar. F’konverżazzjoni li l-eks Prim Ministru Ingliż kellu ma’ Case fl-2020 huwa kien kiteb li hemm bżonn li n-nies jifhmu li biex tiġi salvata l-ekonomija u jiġi ssalvagwardjat is-servizz nazzjonali tas-saħħa kien hemm bżonn li ċ-ċittadini josservaw il-miżuri. Ironikament dan il-messaġġ jidher li ntbagħat xahar wara li l-istess Johnson kien inqabad jikser ir-restrizzjonijiet hu stess meta kien attenda għal festin meta fil-messaġġ hu kien saħaq dwar il-bżonn li n-nies kemm jista’ jkun ma jitħalltux.

Ekonomija

Sport