Tuesday, December 24, 2024

Żviluppat vaċċin kontra l-malarja b’potenzjal “li jbiddel id-dinja” 

Aqra wkoll

Ġie żviluppat vaċċin kontra l-malarja minn xjenzati fl-Università ta’ Oxford li ngħad li għandu potenzjal li “jbiddel id-dinja”. It-tim ta’ xjenzati qed jistenna li jibda jitħaddem mis-sena d-dieħal wara li l-provi wrew protezzjoni sa 80% kontra din il-marda. 

Huma saħqu li l-vaċċin tagħhom huwa rħis u diġà għandhom ftehim biex jimmanifatturaw aktar minn 100 miljun doża fis-sena. 

L-għaqda mhux governattiva Malaria No More, qalet li l-progress li sar f’dan ir-rigward se jkun ifisser li t-tfal li jmutu mill-malarja jistgħu jonqsu drastikament.

Is-sena li għaddiet, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tat l-approvazzjoni tagħha għall-ewwel vaċċin – żviluppat minn GSK – biex jintuża fl-Afrika. Madankollu, it-tim ta’ Oxford qed isostni li l-approċċ tagħhom huwa aktar effettiv u jista’ jiġi mmanifatturat fuq skala ferm akbar. 

It-tim se jibda l-proċess biex il-vaċċin tiegħu jiġi approvat fil-ġimgħat li ġejjin, iżda d-deċiżjoni finali tiddependi fuq ir-riżultati ta’ prova akbar ta’ 4,800 tifel u tifla li se jsiru qabel tmiem is-sena. 

Ekonomija

Sport