Tuesday, December 24, 2024

1.8 miljun persuna qagħdu f’akkomodazzjoni kollettiva fl-2022

… qrib il-livelli ta’ qabel il-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-suċċess fil-qasam turistiku jidher li qed jilħaq il-livelli reġistrati ta’ qabel il-pandemija. Dan jirriżulta minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li wriet kif matul is-sena 2022, dawk li qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva kienu jammontaw għal 1,812,834 persuna, li hi 209,449 inqas minn dak reġistrat fl-2019. 

Min-naħa l-oħra, meta mqabbel mas-sena 2021, wieħed isib li kien hemm żieda sostanzjali ta’ 831,044 fl-għadd ta’ persuni li qagħdu f’dawn l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva.

L-istatistika tal-NSO turi kif is-sena li għaddiet, l-akbar ammont ta’ persuni qagħdu f’lukandi ta’ erba’ stilel (798,531), segwiti mil-lukandi ta’ tliet stilel u ħames stilel, b’436,242 u 342,391 persuni rispettivament. L-użu tas-sodod fl-2022 żdied b’20.1 punti perċentwali għal 53.3%, meta mqabbel mal-2021.

L-NSO jagħti ħarsa wkoll lejn l-andament fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, fejn jirriżulta li t-total ta’ persuni li qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva kienu jammontaw għal 468,466 filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin kienu jammontaw għal 1,967,460.

Jirriżulta wkoll li bejn Ottubru u Diċembru tal-2022, l-akbar ammont ta’ persuni qagħdu f’lukandi ta’ erba’ stilel. It-tul medju ta’ żjarat f’dawn l-istabbilimenti niżel għal 4.2 ljieli f’dan il-perjodu, meta mqabbel mal-medja ta’ 4.6 ljieli rreġistrati matul l-istess kwart tal-2021. L-użu tas-sodod kien ta’ 49.8%, li jfisser żieda ta’ 8.9 punti perċentwali.

Sa Diċembru li għadda, kien hawn 251 akkomodazzjoni kollettiva, bi 18,227 kmamar li jakkomodaw kważi 42,000 sodda.

Ekonomija

Sport