Thursday, July 30, 2026
Home Internazzjonali 10 persuni jinqatlu f’suspettat attakk razzjali f’supermarket fi New York

10 persuni jinqatlu f’suspettat attakk razzjali f’supermarket fi New York

0
828

Għaxar persuni nqatlu fi sparatura fi New York li qed tiġi investigata bħala reat ta’ mibegħda b’motivazzjoni razzjali.

Żagħżugħ ta’ 18-il sena liebes ilbies militari ġie arrestat ftit ħin wara l-attakk fil-belt ta’ Buffalo.

Is-suspettat daħal f’supermarket li fih kien hemm ammont kbir ta’ klijenti s-Sibt wara nofsinhar meta f’ħin minnhom beda jispara fuq in-nies. Il-Pulizija qalet li l-aggressur uża kamera biex ixandar l-attakk online.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ikkundanna dan l-attakk li ddeskriva bħala wieħed diżgustanti.

“Qegħdin ninvestigaw dan l-inċident kemm bħala reat ta’ mibegħda kif ukoll bħala każ ta’ estremiżmu vjolenti b’motivazzjoni razzjali,” qal Stephen Belongia, l-aġent inkarigat mill-uffiċċju tal-FBI f’Buffalo f’konferenza tal-aħbarijiet.

Huwa maħsub li s-suspettat saq għal diversi sigħat biex wasal fiż-żona li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħha hija ta’ karnaġġjon skur. B’kollox ġew milqutin 13-il persuna u l-maġġoranza tagħhom kienu suwed.

It-tliet persuni midrubin, li jaħdmu fl-istess supermarket mhumiex fil-periklu li jitilfu ħajjithom.

Uffiċjal tal-pulizija rtirat li kien qiegħed jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà fil-post waqt il-ħin tal-attakk, ipprova jwaqqaf lill-aggressur, iżda spiċċa fost il-vittmi.