Wednesday, August 26, 2026
Home Fehmietna 100 JUM TA’ ĦIDMA BLA WAQFIEN

100 JUM TA’ ĦIDMA BLA WAQFIEN

0
57

Minn hawn u ftit tal-jiem oħra, preċiżament fis-6 ta Settembru, il-Partit Laburista se jfakkar il-100 jum mir-rebħa elettorali storika, ir-raba’ waħda nfila, ta’ Gvern Laburista b’maġġoranza ta’ kważi 22,000 vot. Dawn kienu 100 jum karatterizzati minn ħidma li ma waqfitx minkejja li l-pajjiż kien għadu kif ħareġ minn kampanja elettorali u elezzjoni ġenerali.

Ħarsa lura lejn dawn il-100 jum turina li l-Gvern ma qgħadx b’idu fuq żaqqu imma ntefa’ minnufih mhux biss fuq it-tmexxija tal-pajjiż imma wkoll fuq it-twettiq u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li tħabbru fil-manifest elettorali “Int Malta”. 

Fost dawn hemm l-investiment multimiljunarju fil-proġett tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei flimkien ma’ sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €120 miljun. 

F’dik li hija ħidma parlamentari, matul dawn il-100 jum, tressqu diversi liġijiet bħalma huma l-Att dwar l-Awtonomija Personali u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli li ġew approvati. Tressaq ukoll l-Att biex titwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza li sfortunatament ma ġietx approvata minħabba li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet ’il barra mill-Parlament u abbandunat il-vot biex tgħaddi din il-liġi, illi kienet teħtieġ il-vot taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. 

Minbarra dan, kienet tnediet konsultazzjoni li għalqet ftit tal-jiem ilu dwar ir-riforma fl-appelli tal-ippjanar, li issa mistennija titressaq fil-Parlament fiż-żmien li ġej. Riforma li ntlaqgħet b’mod pożittiv minn numru ta’ għaqdiet fosthom dawk ambjentali.

Dan juri li elezzjoni jew mhijiex, il-Gvern Laburista, ġimgħa wara l-oħra, baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika. Dan biex ma nsemmux ukoll l-investiment kollu li sar f’setturi oħra bħalma huma s-sigurtà nazzjonali, il-qasam tal-ġustizzja, dak tal-enerġija, l-edukazzjoni u anke fl-allokazzjoni tal-fondi lill-Kunsilli Lokali. 

Ma’ dawn irridu nżidu wkoll dak li tħabbar il-Ħadd li għadda mill-Prim Ministru, ċioe ir-rijabilitazzjoni tal-Batterija tal-Ferħa fil-Għargħur li minn binja abbandunata u dilapitata se tinbidel f’ċentru għal adoloxxenti vulnerabbli. 

Dan jirrifletti wkoll id-dinamiżmu tal-Gvern Laburista u x-xewqa li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin dejjem tkun aħjar, li tirrifletti ż-żminijiet tal-lum. Dan ma jfissirx li m’hemmx affarijiet oħra x’jistgħu jsiru imma l-Gvern għandu quddiemu aktar minn erba’ snin u nofs oħra biex ikompli għaddej bl-implimentazzjoni tal-wegħdiet elenkati fil-manifest elettorali. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here