Wednesday, August 26, 2026
Home Internazzjonali Teskala l-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-Kanada 

Teskala l-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-Kanada 

0
41

Ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien – l-Istati Uniti u l-Kanada – komplew jeħżienu u saru iktar diffiċli wara li l-President Amerikan Donald Trump hedded li jżid it-tariffi li l-Istati Uniti imponiet fuq il-karozzi li joriġinaw mill-Kanada, hekk kif il-gwerra kummerċjali bejn iż-żewġ naħat qed tkompli tisħon.

Trump qal nhar it-Tnejn li se jżid it-tariffi minn 25% għal 50% fuq il-karozzi u t-trakkijiet manifatturati fil-Kanadiżi, kif ukoll fuq il-partijiet tal-karozzi, mill-1 ta’ Jannar li ġej.

Din it-thedida Trump għamilha wara li t-taħditiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-Kanada fallew tard il-ġimgħa li għaddiet, b’kull naħa takkuża lill-oħra li għamlet talbiet mhux raġonevoli tal-aħħar minuta.

F’konferenza stampa nhar it-Tlieta uffiċjali Kanadiżi ħabbru kif il-pajjiż kien se jirrispondi għall-gwerra kummerċjali u kif se jaħdem biex jipproteġi u jappoġġja lill-ħaddiema u n-negozji Kanadiżi matul dawn “iż-żminijiet ta’ sfidi kbar”.

Il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney sejjaħ l-aħħar theddida ta’ taxxa ta’ Trump bħala mhux sorprendenti u akkuża lill-president Amerikan li jrid jeqred l-industrija tal-karozzi tal-Kanada. Huwa żied jgħid li l-Kanada hija lesta li terġa’ tibda t-taħditiet biss jekk l-Istati Uniti tiġi bl-attitudni t-tajba.

Il-Kanada rtirat min-negozjati kummerċjali tard il-Ġmgħa filgħaxija, ftit tal-mumenti qabel l-iskadenza imposta mill-Istati Uniti li kienet se twassal għall-impożizzjoni ta’ tariffa ta’ 50% fuq kważi $20 biljun f’oġġetti Kanadiżi impurtati.

Il-falliment tat-taħditiet immarka bidla sinifikanti fit-ton meta mqabbel mal-bidu tal-ġimgħa, meta ż-żewġ naħat dehru ottimisti li seta’ jintlaħaq ftehim kummerċjali ġdid bejniethom.

Uffiċjali Kanadiżi qalu li l-Istati Uniti ressqet talbiet fl-aħħar mument li kienu inaċċettabbli, inkluża klawżola li tillimita l-pajjiżi li magħhom il-Kanada setgħet tikkonkludi ftehimiet kummerċjali. Min-naħa l-oħra, uffiċjali Amerikani sostnew li kienet il-Kanada li introduċiet bidliet fl-aħħar mument. Dan in-nuqqas ta’ qbil wassal għal tensjoni dejjem tikber hekk kif iż-żewġ naħat baqgħu sodi fil-pożizzjonijiet tagħhom.

It-theddid ta’ Trump dwar tariffi fuq l-industrija tal-karozzi tal-Kanada seħħ wara li Carney ħabbar li l-pajjiż kien se jirrispondi għal dawk il-miżuri b’tariffi reċiproċi fuq prodotti Amerikani, fuq bażi ta’ “dollaru għal kull dollaru”.

Carney qal li kien iffukat fuq l-appoġġ lin-negozji Kanadiżi milquta minn tariffi ġodda ta’ 50% tal-Istati Uniti wara l-iskadenza tal-Ġmgħa, kif ukoll fuq il-bini ta’ infrastruttura biex jiddiversifika l-kummerċ tal-Kanada, li storikament kien jiddependi ħafna fuq l-Istati Uniti.

Il-prim ministru Kanadiż ħabbar finanzjament ta’ 11-il biljun dollaru Kanadiż biex jibni sitt icebreakers f’tarzna ta’ Quebec għall-Gwardja Kostiera Kanadiża li se jissostitwixxu l-flotta medja tagħha li qed tixjieħ. Il-icebreakers se jintużaw biex jiftħu rotot tat-tbaħħir fix-xitwa fl-ibħra tat-Tramuntana u tal-Atlantiku tal-Kanada.

Sadanittant, il-Premier ta’ Ontario Doug Ford, magħruf għall-mod dirett u bla tlaqliq ta kif jitkellem, – il-provinċja tiegħu hija ċ-ċentru tal-industrija Kanadiża tal-manifattura tal-karozzi – wieġeb għat-tariffi u t-theddid ta’ Trump billi qal lill-President Amerikan biex “jbuslu l-warrani”.

Doug Ford issuġġerixxa wkoll li l-Kanada għandha tgħolli l-prezz  għaż-żejt u l-gass għall-Istati Uniti, kif ukoll għall-elettriku u minerali kritiċi, u żied jgħid li se jitkellem mal-Prim Ministru Carney dwar modi kif “jirreżistu” u jieħdu azzjoni bi tweġiba għat-theddid ta’ Trump.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here