Skiet li jtarrax mitt siegħa wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fakkar fatti li jikkonfermaw l-ipokrizija tal-akkużi li l-PN ilu x-xhur jagħmel fil-konfront tiegħu.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet li Dr Muscat indirizza nhar l-Erbgha waranofsinhar tkellem dwar kif il-PN ma jistax jitwemmen meta jitkaża dwar ir-relazzjoni tal-politiċi mal-komunità kummerċjali għaliex dawn ir-relazzjonijiet kienu jeżistu meta l-PN kien fil-gvern.
Irrefera b’mod partikolari għan-narattiva mhux veritiera li qed imexxi l-PN li gvernijiet immexxija minnu imxew b’favoritiżmu lejn il-familja Fenech. Dr Muscat semma kif gvernijiet differenti wrew rispett lejn il-familja Fenech għall-investiment kbir li għamlu f’pajjiżna li wassal għall-ħolqien ta’ ħafna impjiegi. Fost oħrajn meta Lawrence Gonzi kien Prim Ministru kien ħatar lil Ray Fenech bħala Chairman tal-Awtorità għat-Turizmu u anki tal-Fondazzjoni ghall-iSkejjel t’Għada.
L-ipokrizija tal-PN f’dan kollu hija kkonfermata minn ħadd ħlief l-eks Kap tal-istess Partit u eks Prim Ministru, Eddie Fenech Adami. Nhar l-Erbgħa Dr Muscat irrefera għall-awto-bijografija ta’ Dr Fenech Adami. Fiha l-eks Kap Nazzjonalista jsemmi każ partikolari li seħħ meta l-PN kien fl-Oppożizzjoni bejn l-1996 u l-1998. Jgħid li li fiċ-ċikostanzi politiċi ta’ dawk is-snin kien se jittieħed vot importanti fil-Parlament kontra l-gvern Laburista, u kien għamilha ċara li ried li d-deputati kollha Nazzjonalisti jkunu preżenti għalih.
Madankollu kien mgħarraf li John Dalli ma kienx Malta. Fenech Adami jgħid li ċempel lil martu u minn hemm sar jaf li Dalli kien il-Libya. Meta Fenech Adami ordna lil Dalli biex jirritorna minnufih lejn Malta, tal-aħħar wieġbu li dan ma kienx possibli. Fl-awto-bijografija Fenech Adami jgħid li huwa iżda kien diġà ħaseb għal din is-sitwazzjoni għaliex kien irranga biex Dalli imur Tuneż u minn hemm hekk jinġieb lura Malta bil-private jet tat-Tumas Group, tal-familja Fenech. U hekk ġara.
Dwar dan il-każ ma rreaġixxa ħadd min-naħa tal-PN anki jekk ta’ kuljum jinħargu numru ta’ stqarrijiet mid-Dar Ċentrali. Lanqas Beppe Fenech Adami, li mill-ġuri ta’ Yorgen Fenech irriżulta li meta kien Viċi Kap tal-PN, kien iċempel ripetutament lill-istess Fenech u li jkun dejjem minn ta’ quddiem nett biex jattakka lill-PL, waqa’ fil-muta.
Kemm mhux minnu li wara l-2013 Tumas Group ingħata trattament preferenzjali kien ikkonfermat mill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni fl-2023, meta ma laqghetx ilment minn Arnold Cassola illi kien allega li l-eks Ministru Laburista Michael Farrugia kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech biex jagħtih vantaġġ dwar fl-Imrieħel.
Il-Kummissjoni kienet sabet illi sal-2014 wieħed seta’ jibni torrijiet mingħajr l-obbligu li jibni toroq fil-madwar. Dan inbidel u rizultat ta’ hekk il-kumpanija ta’ Fenech kellha tnaqqas 7,857 metru kwadru mill-art li setghet tiżviluppa fl-Imriehel. B’din il-bidla fil-policy imdaħħla minn Gvern Laburista l-valur tal-proġett tal-kumpanija ta’ Fenech naqas bi €12-il miljun.
Dr Muscat semma wkoll il-kwistjoni tal-arloġġ li kien ingħata lilu meta kien Prim Ministru u li kien jikkommemora d-dħul ta’ Malta fl-UE. Għal snin sħaħ il-PN, flimkien ma’ oħrajn, qal li dan l-arloġġ kellu n-numru 17 biex b’mod mill-iktar qarrieqi, jorbtu mal-kwistjoni tal-kumpanija 17 Black. Jirriżulta iżda li din kienet gidba għaliex l-arloġġ mogħti lil Dr Muscat kellu fil-fatt in-numru 2.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet l-eks Prim Ministru qal ukoll li arloġġ bħal dak moghti lilu, ingħata wkoll lil Eddie Fenech Adami u lil Austin Gatt. Id-differenza hija li dak mogħti lil Dr Muscat jinsab għand l-iStat Malti għaliex huwa ħallieh warajh f’Kastilja, waqt li meta kien hemm bidla fil-gvern fl-2013 ma nstab xejn. Dwar dawn il-fatti, ukoll kien hemm skiet totali min-naħa tal-PN. Beppe Fenech Adami mill-ġdid waqa’ fil-muta.
Il-PN baqa’ wkoll sieket dwar dak li fakkar l-eks Prim Ministru fuq dikjarazzjoni li kien għamel Bernard Grech f’Marzu 2021 meta bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien tkellem favur l-għoti ta’ maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech. Mhux hekk biss, anzi l-PN fl-aħħar jiem għamel minn kollox biex jaħbi lil Grech, anki jekk dan għadu sal-lum membru tal-Grupp Parlamentari.


