“Id-dokument maħruġ mill-Kamra tan-Negozju Għal Għawdex (Gozo Business Chamber) joffri analiżi trasparenti u attwali ta’ Għawdex. Fuq kollox nemmen li jibni fuq punti kruċjali tal-manifest elettorali tal-Gvern preżenti biex jiffoka fuq dawk li għandhom ikunu l-pilastri ċentrali tal-inizjattivi strateġiċi fuq Għawdex għas-snin li ġejjin”
Dan iddikjarah il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozju Għal Għawdex Daniel Borg, f’intervista ma’ dan il-ġurnal, b’reazzjoni għal fatt li l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ippubblikat il-proposti tagħha għall-Baġit 2027, bit-titlu ‘Budget 2027: From Commitment to Implementation’. Borg sostna li jemmen li f’dik li hi l-infrastruttura d-dokument jidentifika l-ħtieġa li jespandi l-Port tal-Imġarr hekk kif għandhom jiżdiedu żewġ vapuri ġodda mal-flotta tal-Gozo Channel.
Spjegalna li d-dokument jidentifika wkoll żewġ inizjattivi oħra li huma nklużi wkoll fil-manifest elettorali u li huma kruċjali biex jissapportjaw l-ekonomija Għawdxija fis-snin li ġejjin. Dawn huma l-logistics hub u r-rural airfield. Il-logistics hub huwa proġett innovattiv li għandu jnaqqas l-impatt tat-transport filwaqt li jżid l-effiċjenza tal-kumpaniji Għawdxin għax jevita ħafna double handling. Min-naħa l-oħra l-Kamra hija konxja li x-xogħol preparatorju fir-rigward tar-rural airfield huwa lest u għalhekk dan għandu jingħata allokazzjoni xierqa biex jiġi implimentat.
Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li d-dokument jitratta wkoll aspetti oħrajn bħall-innovazzjoni u l-intrapriża u jiffoka fuq dawk il-miżuri li għandhom jiġu implimentati biex tinbena eko-sistema li tgħin lill-istart-ups f’Għawdex. Hawnhekk huwa żied jgħid; “Għawdex huwa nieqes minn intrapriżi f’setturi li joffri valur miżjud fl-ekonomija tagħna. Filwaqt li hawn ċertu kumpaniji fis-settur diġitali, huwa mportanti li nkomplu naħdmu iktar biex liż-żgħażagħ tagħna noffrulhom opportunitajiet bħalma hi l-Youth4Entrepreneurship biex ngħinuhom ikomplu juru t-talent tagħhom”.
Kompla jispjegalna li dan ma jneħħi xejn minn għajnuna li trid tingħata lill-kumpaniji ġa’ eżistenti fis-settur finanzjarju biex jingħataw l-għajnuna meħtieġa mill-entitajiet regolatorji f’Għawdex stess. Dan għaliex dan ix-xenarju huwa importanti wkoll li ċerti kumpaniji f’setturi bħalma huma l-wholesale jingħataw dik l-għajnuna biex jaffrontaw dawk l-ispejjeż relatati mat-trasport bejn iż-żewġ ġżejjer.
Meta mistoqsi dwar x’inhu l-iktar punt importanti fid-dokument, Borg beda biex qalilna li dan hu li biex Għawdex imexxi verament l-aġenda tiegħu, huwa meħtieġ li jkun hemm diskussjoni serja u trasparenti biex numru ikbar ta’ poteri u responsabiltajiet jiġu devoluti fi ħdan entita reġjonali awtonoma.
Fil-fehma tal-Kap Eżekuttiv, is-sistema preżenti ta’ goverannza, minkejja r-rieda tajba kollha, mhux dejjem tagħraf dawk li huma l-vera prijoritajiet għal Għawdex, jew jekk tagħrafhom ma tagħtihomx l-importanza meħtieġa biex jiġu mplimentati. Tenna jgħid li għalhekk id-diskussjoni biex Għawdex jista’ jikseb dik l-awtonomija li biha verament jista’ jmexxi u jimplimenta dawk l-azzjonijiet li hu jara meħtieġa għal Għawdex issa hi neċessarja.
Tenna jgħid ukoll li ħafna mill-miżuri fid-dokument tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex huma diġà inklużi fil-manifest elettorali. Madanakollu issa iktar minn qatt qabel, skontu hu meħtieġ li wieħed jimxi minn dak li hu impenn għall-implimentazzjoni.
Ħarsa lejn il-miżuri Kamra tan-Negozju għal Għawdex
Id-dokument jidentifika tmien prijoritajiet ewlenin għall-Baġit 2027:
• Reġjonalità – issir valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta’ mudelli alternattivi ta’ governanza u jitfassal pjan strateġiku għall-eżerċizzju progressiv ta’ devoluzzjoni ta’ responsabbiltajiet u poteri lill-entita’ reġjonali awtonoma.
• Il-Port tal-Imġarr – tiġi ffinanzjata l-espansjoni u t-tħejjija tal-port għall-ħtiġijiet futuri, li għandhom ikunu allinjati mar-rekwiżiti tal-flotta tal-vapuri preżenti u futura.
• Logistics Hub – l-impenn tal-Gvern għandu jgħaddi mill-kunċett għallimplimentazzjoni, billi jiġu identifikati: l-lokalità, l-funzjonijiet, il-mudell ta’ governanza, finanzjament u konnessjoni mal-Port tal-Imġarr.
• Innovazzjoni u Intrapriża – il-Gozo Innovation Hub għandu jiġi rippożizzjonat bħala l-punt ċentrali ta’ ekosistema usa’, filwaqt li jiġu implimentati miżuri oħra li għandhom iwasslu għall-iżvilupp ta’ din l-eko Sistema.
• Ir-Rural Airfield u l-Konnettività bl-Ajru – tingħata allokazzjoni kapitali annwali realistika u tibda l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Gozo Rural Airfield.
• Servizzi Finanzjarji u Professjonali – tiġi introdotta preżenza regolari pilota tal-MFSA f’Għawdex u tiġi żviluppata proposta koordinata biex jiġu attirati entitatijiet f’dan issettur li jistgħu iħallu verament valur miżjud f’Għawdex
• Ħiliet u Talent – jiġi implimentat l-appoġġ għat-titjib tal-ħiliet tal-impjegati, it-taħriġ jiġi allinjat mal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ Għawdex u l-Youth4Entrepreneurship jiġi żviluppat f’pjattaforma għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ, li tagħtihom verament lgħodod biex jimplimentaw l-idejat tagħhom.
• Negozji Eżistenti – tiġi estiża l-assistenza għat-trasport, jissaħħaħ l-appoġġ dirett għad-diġitalizzazzjoni u l-produttività, u tiġi implimentata l-faċilità proposta fil-Belt Valletta għan-negozji bbażati f’Għawdex.


