Monday, September 14, 2026
Home Bloggers L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI

L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI

0
52

Jixirqilhom kull appoġġ l-isforzi li qed isiru biex f’Malta tiżviluppa kultura ta’ ħsieb u imġiba li tkun familjari mal-iżviluppi fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. Dil-kultura trid tkun il-mutur li bih iċ-ċittadini tal-lum u ta’ għada jkunu ħerqana biex isiru profiċjenti fit-tħaddim tal-IA. Jidhirli imma li dan irid isir pass pass ma titjib dejjem għaddej fil-familjarità tal-istudenti mas-suġġetti tal-matematika u tax-xjenza  u fit-tagħlim tagħhom.

Hawn l-istampa ma tantx hi sabiħa. Ħarġu ftit ġranet ilu r-riżultati tal-proġett PISA immexxi mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp (OECD) li jkejjel il-progress f’dawn l-oqsma mal-pajjiżi kollha tad-dinja prattikament. Ir-riżultati  għal pajjiżna xejn ma kienu tajba. Għal darb’oħra, m’hemm l-ebda faraġ fil-fatt li l-istess jista’ jingħad għal numru ta’ pajjiżi Ewropej.

Tkun traġedja jekk l-IA tidħol bil-kbir u tiġi aċċettata f’Malta biss bħala xi forma ta’ divertiment, qisha toffri biss skop għal passatempi aktar sofistikati minn tal-playstation.  

ATTENTI

Dawk li qed jagħtu servizz lill-gvern u lill-Partit Laburista b’sens ta’ impenn politiku u mhux biss wieħed professjonali, jridu joqogħdu b’seba’ għajnejn. Aktar u aktar jekk ikunu f’qagħda ta’ direzzjoni. Iridu jifhmu li se jibqgħu l-ħin kollu l-mira ta’ kritika, tmaqdir u żuffjett, li aktar jiżdiedu, aktar ma jkomplu s-snin ta’ gvern. Din ħaġa minn ewl id-dinja.

Waqt li parti sostanzjali tal-kritika tkun anqas minn ġenwina, mhux kollha tkun hekk. Terġa’, mhux kulħadd se jinduna b’xinhu ġenwin u x’mhuwiex. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar se jkun hemm min jagħti attenzjoni lil dil-kritika. Bħala ħaġa naturali, kważi kull bniedem jitħajjar jiddubita jew jirvella kontra min jitqies bħala parti mill-hekk imsejjaħ establishment

Dan iġib miegħu l-ħtieġa li r-reazzjoni għall-kritika u għall-kummenti li jsiru – negattivi kemm ikunu negattivi – trid tkun maħsuba tajjeb.  

IL-LEMIN ESTREM

Naħseb li jkun qed jgħid tajjeb min isemmi żewġ raġunijiet għall-avvanzi tal-lemin estrem fl-Ewropa: dan qiegħed jitkellem il-ħin kollu fuq kwistjonijiet li tassew qed idejqu faxex wiesgħa tal-poplu; u qed joffru soluzzjonijiet faċli, hekk imsejħa “populisti”, li fil-verità ma jistgħux jitwettqu b’mod responsabbli.

Issa hu minnu li l-partiti demokratiċi u “responsabbli” ma jistgħux u m’għandhomx joffru direzzjonijiet li jbiegħduhom mill-valuri li jemmnu fihom. Imma min-naħa l-oħra, kemm qed juru impenn biex talanqas jitkellmu u jaffrontaw b’mod miftuħ u sinċier il-materji ta’ dwejjaq li jkiddu lill-familji fl-imkejjen fejn jgħixu? Għax ta’ spiss donnu tingħata l-impressjoni li ċerti partiti u politikanti huma aktar interessati jgħidu x’jaħsbu huma dwar li jkun għaddej, milli jisimgħu xinhuma jgħidu dwar hekk “in-nies tat-triq”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here