“F’mument sensittiv bħal dan, l-aħħar ħaġa li għandna bżonn hija li l-istituzzjonijiet tagħna jiġu attakkati”

Aqra wkoll

Dawn l-aħħar ġimgħat kont ħafna fuq l-aħbarijiet minħabba l-introduzzjoni tal-on the spot fines lil turisti li jkunu pajjiżna u li jġibu ruħhom ħażin. Kemm ingħataw multi simili sa issa? Qed jagħmlu differenza? X’messaġġ qed jintbagħat permezz ta’ dawn il-multi?

Sal-Ħamis, 10 ta’ Settembru, inħarġu total ta’ 1,409 multi, li minnhom 1,340 diġà tħallsu, l-oħrajn ikunu ġew ikkontestati. Il-valur totali tal-multi maħruġa huwa ta’ €115,687 filwaqt li l-ammont li diġà tħallas huwa ta’ €108,643. 

Dawn iċ-ċifri juru li l-miżura qed ikollha effett u li qed tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li jkun hemm infurzar aktar immedjat u effettiv fejn ikun hemm imġieba mhux xierqa.

Imma għalija l-aktar importanti mhuwiex kemm inġabru flus mill-multi. Il-messaġġ huwa ferm aktar importanti: Malta tilqa’ lil kulħadd, iżda l-ospitalità tagħna ma tfissirx li wieħed jista’ jabbuża minnha. Min iżur pajjiżna għandu jirrispetta l-komunitá tagħna, l-ispazji pubbliċi u l-liġijiet tagħna.

Irridu nkunu pajjiż li jilqa’ lit-turisti u fl-istess ħin pajjiż li jżomm l-ordni. Dawn iż-żewġ affarijiet ma jeskludux lil xulxin.

Minkejja li rdoppjaw minn €25 għal €50 hawn min għadu jisħaq -inkluż l-MHRA – li l-multi baxxi wisq. X’taħseb?

Nifhem għaliex hemm min iħoss li multa ta’ €50 mhijiex biżżejjed, u naturalment aħna se nkomplu naraw l-effettività tal-miżura. 

Imma rridu nħarsu wkoll lejn il-prinċipju wara din is-sistema. L-għan mhuwiex sempliċiment li nagħtu l-multi. L-għan huwa li nżommu l-ordni, li nipprevjenu l-abbuż u li nibagħtu messaġġ ċar li ċerti imġieba mhix aċċettabbli. Fl-istess waqt, wieħed għandu jiftakar li dawn huma parti minn sistema usa’ ta’ infurzar u mhux l-unika għodda li għandna. Fejn ikun hemm imġieba aktar serja jew ripetuta, jeżistu wkoll miżuri oħra li jistgħu jittieħdu, fil-fatt dan is-sajf stess kellna diversi każijiet ta’ żgħażagħ turisti li għamlu ħsarat fuq karozzi u tressqu immedjatament il-Qorti

Kif intlaqgħu l-on the spot fines minn komunitajiet bħal tas-Swieqi, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar u l-Belt?

Il-feedback li qed nirċievu kemm fuq social media, kif ukoll b’mod personali huwa tajjeb ħafna. 

Hemm apprezzament għall-fatt li qed tittieħed azzjoni konkreta. 

In-nies iridu jgħixu f’ambjent nadif u sigur u, meta jkun hemm imġieba li taffettwa l-kwalità tal-ħajja tal-komunità, iridu jaraw infurzar effettiv. Irridu nifhmu wkoll li l-problema mhijiex limitata għal lokalità waħda. 

Għalhekk, il-ħidma tal-Pulizija u tal-LESA u f’ċertu każijiet l-AFM, trid tkompli tkun preżenti fejn hemm bżonn, kemm f’żoni turistiċi kif ukoll f’komunitajiet residenzjali. 

L-għan aħħari mhuwiex li nagħtu aktar multi. L-għan huwa li jkollna komunitajiet fejn in-nies jirrispettaw l-ispazju pubbliku u r-regoli.

Kont ukoll fuq l-aħbarijiet minħabba tkeċċija ta’ xi nies li kienu qed jgħixu Malta illegalment. Ġejt ikkritikat illi qed tieħu deċiżjoni nieqsa mis-sensittività. Kif twieġeb?

Jien dejjem se nkun sensittiv lejn l-individwu u lejn iċ-ċirkostanzi personali tiegħu, iżda bħala Ministru għandi wkoll responsabbiltà lejn il-pajjiż kollu u lejn ir-regoli li jirregolaw l-immigrazzjoni. 

Il-liġi trid tiġi rispettata. 

Min għandu d-dritt li jkun f’Malta għandu jkun hawn u għandu jingħata l-opportunità li jgħix u jaħdem b’mod legali u dinjituż. Iżda min m’għandux dritt jibqa’ f’pajjiżna ma jistax sempliċiment jibqa’ hawn indefinittivament. 

Irridu sistema li tkun kemm umana kif ukoll serja. Il-kontroll tal-immigrazzjoni mhuwiex att ta’ nuqqas ta’ sensittività. Huwa responsabbiltà tal-Gvern li jiżgura li s-sistema tkun ġusta, effettiva u rispettata.

Għaliex ħadt il-pass li numru ta’ priġunieri li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs tmexxuhom għal Ħal Far? 

Illum għandna sitwazzjoni fejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed ikollha pressjoni dejjem akbar. Fuq medja, kuljum qed joħorġu madwar ħames persuni, iżda jidħlu madwar għaxar priġunieri ġodda. Ma nistgħux ninjoraw din ir-realtà. 

Kordin inbniet fl-1850 u, minkejja l-investiment u t-titjib li sar matul is-snin, għandha l-limitazzjonijiet tagħha.

Għalhekk qed nużaw bini f’Ħal Far li kien parti miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, li issa qed nirranġawh kompletament biex ikun jista’ jilqa’ madwar 30 priġunier barrani  li jkunu waslu lejn l-aħħar tas-sentenza tagħhom.

Ma jagħmilx sens li nżommu lil dawn il-persuni f’faċilità li diġà qed iġġorr pressjoni kbira, meta għandna spazju li jista’ jintuża b’mod aktar effiċjenti u sigur.

Fl-istess waqt, din id-deċiżjoni tagħtina aktar spazju biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet u s-sigurtà f’Kordin għall-priġunieri kollha u għall-uffiċjali li jaħdmu hemm.

Jiena nippreferi Gvern li jieħu deċiżjonijiet prattiċi biex jindirizza l-problemi milli Gvern li jibqa’ jipposponihom. Din hija deċiżjoni ta’ sigurtà, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ responsabbiltà.

Kif tiġġudika l-ewwel 100 jum ta’ Gvern Laburista wara r-raba’ rebħa elettorali? Kemm tara li hemm rieda u determinazzjoni fil-Gvern biex il-pajjiż u l-familji jimxu ‘l quddiem? 

Jien naħseb li l-ewwel 100 jum għandhom jitkejlu mhux biss bil-kliem, iżda b’dak li jkun qed isir. U f’dawn l-ewwel 100 jum rajna Gvern, imexxi minn Robert Abela li sa mill-ewwel ġurnata beda jwettaq il-mandat li ngħata mill-poplu.

Għalija, l-aktar ħaġa importanti hija li ma noqogħdux nistennew. Meta jkun hemm problema, irridu nindirizzawha. Meta jkun hemm bżonn ta’ investiment, irridu ninvestu. U meta l-poplu jkun tana mandat biex inwettqu, irridu nwettqu.

Għad hemm ħafna x’isir, ovvjament dan għadu biss l-ewwel ftit ġranet ta’ leġislatura sħiħa. Imma nemmen li d-direzzjoni hija ċara: Gvern determinat li jkompli jinvesti, jsaħħaħ is-servizzi u joħloq aktar opportunitajiet għall-familji u għall-pajjiż.

Il-PN qed jgħid li ma għandux fiduċja fl-investigazzjoni tal-Pulizija għax int il-Ministru tal-Intern. Kif twieġeb?

Dan huwa argument li ma jagħmilx sens u li juri kemm il-PN qed jipprova jagħmel politika minn każ li għandu jitħalla f’idejn l-istituzzjonijiet.

Il-Pulizija għandha l-obbligu li tinvestiga, tiġbor l-evidenza u tieħu l-passi li tipprovdi għalihom il-liġi. Il-Ministru mhux qiegħed hemm biex jidderieġi investigazzjonijiet individwali, u jien ma nagħmilx dan.

Jiena l-ewwel wieħed li ngħid li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu mingħajr indħil politiku. U ma nindahal fl-ebda investigazzjoni tal-Pulizija. Jekk għandek fiduċja fl-istituzzjonijiet biss meta jaqblu miegħek, dik mhix fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Li nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem hi li għandi fiduċja fil-Korp tal-Pulizija u fil-ħidma tal-investigaturi tiegħu.

Rajna Deputat Nazzjonalista jakkuża lill-Avukat Ġenerali li hija korrotta. Kemm huwa importanti l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu f’dan il-mument sensittiv?

F’mument sensittiv bħal dan, l-aħħar ħaġa li għandna bżonn hija li l-istituzzjonijiet tagħna jiġu attakkati jew jiġu skreditati għal skopijiet politiċi.

Jista’ jkun hemm kritika u jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil. Dik hija parti mid-demokrazija. Imma akkuża ta’ korruzzjoni hija akkuża serja ħafna. 

L-Avukat Ġenerali, il-Pulizija u l-Qrati għandhom rwoli differenti u importanti ħafna fil-proċess tal-ġustizzja. Ħadd, la mill-Gvern u lanqas mill-Oppożizzjoni, m’għandu jipprova jpoġġi pressjoni fuqhom jew jikkundizzjona x-xogħol tagħhom.

Għaldaqstant id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut issa għandu jew jagħti l-provi ta’ l-allegazzjonijiet  li qal u jgħaddi l-provi lill-awtoritajiet konċernati, inkella jrid jirtira dak id-diskors li qal.

Jiena nemmen f’ħaġa waħda: l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu, l-evidenza għandha titkellem u l-ġustizzja għandha timxi skont il-liġi, mhux skont il-politika. U proprju għalhekk, f’mument bħal dan, għandna lkoll inkunu responsabbli fil-mod kif nitkellmu u ma nippruvawx nagħmlu pressjoni fuq proċess li għandu jimxi b’mod indipendenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport