Il-bidu ta’ sena skolastika ġdida daqt se jirritorna, b’eluf ta’ tfal u żgħażagħ jerġgħu lura lejn il-bankijiet tal-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Dan il-perjodu jfisser ritorn għar-rutina, għall-istudju u għall-ħajja skolastika. Fl-istess waqt iżda jġib miegħu żieda konsiderevoli ta’ traffiku fit-toroq, partikolarment fil-ħinijiet ta’ filgħodu u anke xi ftit jew wisq waranofsinhar.
Għalhekk, il-kontroll tat-traffiku madwar iż-żoni tal-iskejjel huwa element kruċjali biex jiġi żgurat li t-tfal jaslu l-iskola fil-ħin u jirritornaw lura lejn djarhom b’mod sigur. F’dan ir-rigward, l-għajnuna u l-koordinazzjoni tal-Awtoritajiet huma importanti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jġib miegħu l-bidu tas-sena skolastika.
Il-preżenza tal-uffiċjali ta’ Transport Malta u tal-persuni responsabbli mill-immaniġġjar tat-traffiku, l-iktar f’żoni strateġiċi, tgħin bis-sħiħ biex it-traffiku jimxi b’mod aktar ordnat u jitnaqqsu l-perikli għal min ikun fit-triq – tfal, studenti, ġenituri, għalliema u sewwieqa. Il-preżenza ta’ dawn l-uffiċjali huwa investiment dirett fis-sigurtà tat-tfal u fl-iżgurar ta’ ambjent aktar sigur .
Madankollu, is-sigurtà fit-toroq mhijiex responsabbiltà tal-Gvern biss. Hija responsabbiltà kollettiva, tiegħi u tiegħek. Is-sewwieqa għandhom ikunu aktar kawti, jsuqu b’inqas veloċità u jagħtu prijorità lill-persuni mexjin, speċjalment lit-tfal. Il-ġenituri wkoll għandhom ikunu ta’ eżempju billi josservaw ir-regoli tat-traffiku u jevitaw imġiba li tista’ toħloq periklu quddiem l-iskejjel.
Ir-ritorn tat-tfal fl-iskejjel għandu għalhekk ikun mument ta’ entużjażmu u mhux ta’ tħassib. Permezz ta’ koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet, l-iskejjel, il-ġenituri u l-pubbliku nġenerali, jista’ jinħoloq ambjent fejn it-tfal ikunu jistgħu jibdew is-sena skolastika tagħhom mingħajr xkiel jew ansjeta żejda.
Għalhekk nibqgħu nisħqu fuq il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar, kull tifel u tifla jistħoqqilhom li jaslu l-iskola u jirritornaw lura id-dar mingħajr periklu. Huwa impenn li għandu jibqa’ jiġi msaħħaħ b’aktar investiment, b’ippjanar għaqli u b’infurzar ta miżuri intenzjonati sabiex il-ħajja ta’ kull tifel u tifla studenti tkun iktar serena u iktar trankwilla.




