Monday, December 23, 2024

111 talba għal saqaf f’10 xhur f’Għawdex

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-talbiet saru minn barranin, l-ebda Għawdxi ma talab għajnuna għax bla saqaf

Hekk kif għal raġunijiet diversi aktar u aktar barranin qed jagħżlu li jmorru jgħixu Għawdex, fejn fost dawn ir-raġunijiet hemm  l-fatt li l-kirjiet huma irħas minn Malta, qed jirriżulta li qed ikun hemm talbiet kontinwi f’Għawdex minn barranin li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Filfatt, fl-għaxar xhur ta’ din is-sena kien hemm 111 każ ta’ talbiet minn persuni li talbu biex ikollhom saqaf furr rashom. Dan ifisser każ ta’ persuna bla saqaf kull tlett ijiem.  Minn dawn kien hemm  27 persuna li kienu Maltin u 84 persuna kienu barranin li l-maġġoranza tagħhom huma Ingliżi, Libjani, Sudaniżi u Taljani. 

Talk.mt tkellmet dwar din ir-realtà mad-Direttur tal-Fergħa t’Għawdex tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), Mons Dr Joe Vella Gauci.

Mons Vella Gauci jididkjara li “fil-kumdità ta’ djarna wieħed forsi ma jimmaġinax li l-faqar f’Malta huwa reali, però ċirkustanzi diversi jistgħu iwasslu sabiex persuna ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ diffikulta finanzjarja. Id-Direttorat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) f’Għawdex ta’ kuljum jaħdem ma’ persuni li jkollhom diffikulta biex jipprovdu l-ikel fuq il-mejda, ilibbsu lil uliedhom u anke ta’ nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom.”

Itenni li “din is-sena, f’Għawdex sa issa tqassmu total ta’ 3,534 kaxxa tal-ikel lil persuni fil-bżonn – 452 kaxxa mill-programm tal-FEAD, 2,695 kaxxa mill-programm tal-SFFD, 213-il kaxxa b’donazzjoni lil persuni li ma jkollhomx x’jieklu u 120 kaxxa b’donazzjoni lil residenzi għall-persuni vulnerabbli f’Għawdex. Apparti minn hekk, id-Direttorat tal-FSWS ħa ħsieb li jagħmel fond finanzjarju għall-każijiet ta’ emerġenza peress li ġieli jkun hemm bżonn li jinxtraw affarijiet bħal ħalib għat-trabi u ħrieqi. Jitqassmu ukoll ħwejjeġ u oġġetti oħra skont d-disponibilità tad-Direttorat.”

Jenfasizza li “minn Jannar tal-2021 sal-ġurnata ta’ llum, id-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex kellu 111 talba għal xelter minn persuni mingħajr saqaf fuq rashom. Ta’ min isemmi li minn dawn it-talbiet 26 kienu nisa u 85 kienu rġiel, u 27 persuna kienu Maltin u 84 persuna kienu barranin li l-maġġoranza tagħhom huma Ingliżi, Libjani, Sudaniżi u Taljani. Ma kienx hemm Għawdxin li talbu din l-għajnuna. Biex ikunu nistgħu nakkomodaw lil dawn il-persuni, id-Direttorat jaħdem ma’ Dar Emmaus, post li jilqa’ persuni li ma għandhomx saqaf fuq rashom u li din is-sena laqa 33 individwu. Peress li l-maġġoranza ta’ dawn il-persuni huma barranin, ħafna drabi jkunu waħedhom u mingħajr sistema ta’ support madwarhom. Ħafna minn dawn il-każijiet ikunu waslu f’sitwazzjoni daqs tant kritika ukoll minħabba n-nuqqas ta’ xogħol għal-raġunijiet varji li jistgħu jinkludu nuqqas ta’ għarfien fil-lingwa Maltija jew Ingliża, nuqqas ta’ ħilijiet u mard. Il-ħaddiema soċjali jagħmlu l-assessjar tal-każ, ifasslu pjan mal-klijent sabiex jgħinuh isib xogħol u post alternattiv biex ikollu aktar stabbiltà,  u jibqgħu isegwu lil persuna anke wara li jkun ħareġ mix-xelter.”

Jisħaq li “d-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex ħaseb ukoll sabiex ikollu 4 appartamenti ddedikati għal residenza aktar fit-tul sabiex dawn il-persuni jkunu mgħejjuna jqumu fuq saqajhom u jgħixu b’mod aktar indipendenti. Sakemm dawn l-appartamenti qed jiġu mħejjija, id-Direttorat addatta Dar Trionfi, fir-Rabat Għawdex, proprjetà tad-Djoċesi t’Għawdex sabiex tintuża għal dan l-iskop.”

Ekonomija

Sport