Friday, April 26, 2024

Il-gass tad-dmugħ u kanuni bl-ilma mhux se jsolvu l-kriżi umanitarja fil-fruntieri tal-UE – Soċjalisti u d-Demokratiċi

Aqra wkoll

Is-Soċjalisti u d-Demokratiċi sejħu lill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew biex ifakkru lill-Polonja dwar ir-responsabbilitajiet tagħha li toffri l-ażil. 

Huwa essenzjali li l-Polonja tassigura t-trasparenza fil-fruntieri tagħha u tagħti aċċess lis-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew ikkundannaw l-awtoritajiet tal-Belarus talli poġġew lill-immigrati fi stat ta’ disprament iżda anke kull vjolenza mill-awtoritajiet Pollakki, inkluż l-użu tal-gass tad-dmugħ u kanuni bl-ilma, kontra l-persuni li jinsabu mwaħħlin fil-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus. 

“Bir-rapporti ta’ mwiet traġiċi u l-kundizzjonijiet tax-xitwa dejjem jiggravaw, l-emerġenza li qed tiżvolġi fil-fruntiera għandha bżonn rispons iżjed qawwi u umanitarju mill-gvern Pollakk. Dan ifisser li l-Polonja għandha titlob l-għajnuna mingħand l-UE u l-Ġnus Maqgħuda. Il-ġurnalisti u dawk li jagħtu għajnuna għandhom ukoll jingħataw aċċess għall-fruntieri,” qalu s-Soċjalisti u d-Demokratiċi.

Simona Bonafè, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, qalet li s-sanzjonijiet kontra l-Belarus, jekk ikunu b’saħħithom biżżejjed, huma mezz effettiv biex ir-reġim ta’ Lukashenko jitwaqqaf milli jkompli jinċentiva l-immigrazzjoni illegal ikif rajna fl-aħħar ġimgħat”.

Madankollu, “is-sanzjonijiet mhux se jsalvaw il-ħajjiet fil-fruntieri,” qalet Bonafè. “Is-sapport tal-Ġnus Maqgħuda u tal-UE, kif ukoll l-aċċess għal proċeduri tal-ażil, se jwaqqfu s-sitwazzjoni milli tiggrava,”żiedet tgħid. 

Hija spjegat kif dawk fil-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus m’għandhomx aċċess għall-ikel u qegħdin fil-bard. “Dawn in-nies qegħdin jaffrontaw kriżi umanitarja li nistgħu nevitawha,” qalet l-MPE. 

Birgit Sippel, il-kelliema tal-ġustizzja u affarijiet interni għas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, qalet li l-awtoritajiet Pollakki għandhom jagħtu aċċess għall-proċeduri tal-ażil lil dawk li qiegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali. 

“Kull tip ta’ vjolenza hija inaċċettabli, inkluż l-użu ta’ gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma kontra l-immigranti vulnerabbli u dawk li qed ifittxu l-ażil. Ħafna minn dawn huma nisa u t-tfal,” qalet Sippel. 

“Din mhijiex l-Ewropa u ma tirrapreżentax il-valuri tagħna. Il-fondi tal-UE qatt m’għandhom jintużaw biex imorru kontra l-liġijiet u l-valuri tal-UE, u b’hekk għandna bżonn iżjed skrutinju fuq il-fondi tal-UE relatati mal-fruntieri u l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni,” żiedet l-MPE.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizjattiva ta’ tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirriflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

Sport