Thursday, April 18, 2024

L-40 anniversarju minn meta ntefgħu balavostri mill-każin tal-PN f’Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Illum jaħbat l-40 anniversarju minn meta dimostrazzjoni organizzata mill-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, li kienet qed issir tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni tas-sena 1981 ntemmet ħesrem. Dan sar wara li minn fuq il-kazin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żebbuġ dehru neżlin għadd ta’ balavostri u pilastri kbar ta’ ġebel. Dawn intefgħu fuq persuni li kienu fit-triq. F’dan inċident kienu weġġgħu b’kollox 14-il persuna , fosthom pulizija, tifel ta’ seba’ snin u żewġ nisa.

Kien għall-ħabta tal-10.30am meta d-dimostrazzjoni kienet waslet f’Misraħ San Filep. Madwar għaxar partitarji Laburisti kienu marru taħt il-każin Nazzjonalista li apperentement kien battal.

Ġara li l-Pulizija marru biex imexxu lil dawk il-ftit Laburisti u meta dawn il-Laburisti u l-pulizija kienu preċiżament taħt il-gallerija tal-kazin Nazzjonalista, niżlu għadd ta’ balavostri u pilastri. Dawn waqgħu fuq ix-xarabank tal-pulizija li kienet qed taghlaq il-kazin Nazzjonalista. 

Dak il-hin, tnejn min-nies dehru jaqgħu ma’ l-art u kienu sħabhom li kaxkruhom f’post fejn setgħu jistkennu minħabba li xita ta’ fliexken ta’ kull daqs kienu għadhom neżlin mill-każin Nazzjonalista. Xi fliexken minn dawk mitfugħa kienu mimlija bi spirtu tal-melħ. 

Wieħed mill-ġurnalisti ta’ L-ORIZZONT  intlaqat minn flixkun f’dahru u l-flokk li kien liebes ittaqqab . 

Il-persuni midruba kienu John Tabone 22 ta’ sena minn Ħal-Kirkop Vincent Bartolo 23 sena mill-Ħamrun, Francis Sultana 31 sena minn Birkirkara, Stella Scicluna 43 sena minn Ħaż-Żabbar, Rita Saliba ta’ 29 sena minn Santa Luċija,  Noel Saliba ta’ 7 snin mill-Furjana u David Galea ta’ 26 sena mill-Furjana. Kienu weġġgħu ukoll Lawrence Vella minn Ħaż-Żabbar, Anthony Grech ta’ 35 sena mill-Gzira u Tony Galea ta’ 19-il sena mill-Ħamrun. 

Il-Prim Ministru Dom Mintoff kien appella għall-kalma fost Il-poplu kollu u anki l-Arcisqof Mons Guzeppi Mercieca  kien għamel ukoll appell għall-kalma waqt li wera d-dispjaċir tiegħu u d-diżapprovazzjoni għal kull att ta’ vjolenza.

Ekonomija

Sport