Minn tal-inqas 116-il persuna mietu f’inċident waqt avveniment reliġuż fl-Indja. L-inċident seħħ fid-distrett ta’ Hathras, fl-istat ta’ Uttar Pradesh. Il-vittmi, li jinkludu nisa u tfal, għadhom qed jiġu identifikati.
Persuni li rnexxielhom isalvaw iddeskrivew kif seħħ l-inċident fejn qalu li l-ħruġ kien dejjaq wisq u meta n-nies ipprovaw jitilqu, maltempata qalila ta’ trabijiet wasslet għal konfużjoni u paniku. Dan wassal biex ħafna nies spiċċaw jgħafġu fuq xulxin.
Persuna li xtaq jibqa’ anonimu tkellem mal-BBC u qal li kollox kien miexi sew meta f’ħin minnhom sema’ bħal għajjat u n-nies jaqgħu fuq xulxin. “Ħafna minnhom spiċċaw mgħaffġa u ma stajtx nagħmel wisq jien. Għandi x-xorti li bqajt ħaj.”
Umesh Kumar Tripathi, uffiċjal mediku mid-distrett ta’ Etah, qal lill-ġurnalisti li dan l-inċident ħalla minn tal-inqas tlitt itfal mejta. Dan filwaqt li ħafna persuni għadhom qed ifittxu l-qraba tagħhom.
Inċidenti waqt avvenimenti reliġjużi huma rrapportati regolarment fl-Indja, hekk kif folol kbar jinġabru fi spazji stretti fejn ftit li xejn iħarsu l-miżuri tas-sigurtà.
Fl-2018, madwar 60 persuna mietu wara li ferrovija daħlet f’folla li kienet qiegħda tattendi ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ festival Hindu – Dusshera. Ħames snin qabel, fl-2013, tgħaffiġ f’festival Hindu fl-istat ċentrali ta’ Madhya Pradesh ħalla 115-il persuna mejta.