Thursday, November 21, 2024

12-il persuna jiggradwaw mill-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju 2020 se jibqa’ mfakkar fil-kalendarju ta’ Caritas Malta għal Gradwazzjoni b’differenza. 

Għal bosta snin li għaddew, il-gradwazzjoni ta’ numru ta’ persuni li jkunu temmew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, sar fil-grounds ta’ San Blas, l-istess post fejn għal diversi xhur dawk li jagħmlu programm, jgħixu f’komunità terapewtika. Għal din iċ-ċerimonja normalment jattendu ’l fuq min 600 persuna, fosthom l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, familjari ta’ gradwati, benefatturi, staff u residenti ta’ Caritas Malta. Din is-sena il-Gradwazzjoni 2020 kienet ippjanata għas-26 ta’ Ġunju, fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż tad-droga. 

Meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, Caritas kellha tbiddel il-pjanijiet tagħha u b’osservazzjoni tal-miżuri indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa, ġiet organizzata ċelebrazzjoni fuq skala iżgħar, barra mill-komunità ta’ San Blas. 

“Ridna li xorta tkun ta’ esperjenza il-Gradwazzjoni għal dawk li temmew il-programm b’suċċess u esperjenza li jġorru tul ħajjithom.  Rajna min huma dawk l-aktar persuni għeżież għalihom u ġew mistiedna sa erba’ persuni li għażlu huma” qal id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt waqt li kompla jispjega li r-residenti attwali fi djar ta’ Caritas Malta setgħu isegwu ċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati mid-dar tagħhom permezz ta’ mezzi teknoloġiċi. “L-isfidi tagħkom jibdew illum wara vjaġġ li tal-inqas jieħu sena u nofs, issa se tmissu mar-realtajiet u tibdew tapplikaw dawk l-għodod li takom il-programm,” temm jgħid is-Sur Gatt filwaqt li awgura lill-gradwati kollha u ħeġġiġhom jibqgħu bil-kuntatt permezz ta’ Dar Charles Miceli; fejn hemm se jsibu dak li jkollhom bżonn meta jiltaqgħu mal-isfidi li semma’ li toffri s-soċjetà. Is-Sur Gatt ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Bord tad-Diretturi u lill-istaff dedikat ta’ Caritas, lill-Awtoritajiet tal-Knisja, il-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għas-sostenn kontinwu u tant benefatturi u voluntiera li jsostnu din il-ħidma favur persuni milquta mit-tbatijiet li ġġib magħha t-teħid tad-droga. 

Din is-sena ggradwaw 12-il persuna, 11-il raġel u mara li jinkludu 2 mill-Prison Inmates Programme. 

Iċ-ċerimonja saret fil-knisja tal-Bon Konsill f’Paceville, San Ġiljan. Quddiesa mmexxija minn Monsinjur Victor Grech flimkien ma’ Monsinjur Charles Cordina u Fr Hilary Tagliaferro. L-animazzjoni tmexxiet mit-Tabib Gianluca u ħuh Joseph Bezzina. 

Monsinjur Grech esprima li l-gradwazzjoni u l-għoti taċ-ċertifikati ma jbiddlu xejn fil-persuna li għamlet dan il-vjaġġ: “importanti li nifhmu li rridu nibqgħu ninbidlu kuljum u nkunu kapaċi nagħmlu dan billi ngħarfu li aħna dgħajfa,” temm jgħid.

Fost il-gradwati u l-familjari tagħhom kienet tinħass l-emozzjoni ta’ ferħ imħallta ma’ ħafna emozzjonijiet ta’ memorji ta’ tbatijiet li persuna dipendenti mis-sustanzi tgħaddi minnhom.

Il-Gradwati qasmu ma’ dawk preżenti x’kienet tfisser din il-ġurnata għalihom u li proprju l-gradwazzjoni timmarka fażi ġdida, impenjattiva u bi sfidi ġodda.

Wieħed mill-gradwati esprima hekk: “ Filwaqt li nirringrazzja lill-istaff u lil dawk il-familjarji tiegħi, ma nistax b’mod speċjali ma nsemmix lil ommi li dejjem kienet warajja avvolja batiet immens, illum qiegħda hawn kuntenta immens bija u nwiegħdha li se nkompli naħdem”. 

Gradwat ieħor qal: “Irrid nifhem u naċċetta li baqagħli x’naqdef u li għad irrid nitla’ tarġa oħra. Bis-saħħa ta’ kulħadd wasalt fejn wasalt, imma dejjem jibqa’. Naf li bl-imħabba tal-istaff ta’ Caritas se jirnexxieli nifhem kemm hi sabiħa l-ħajja u se nara li nibqa’ saqajja mal-art u napplika dawk il-ħiliet li tawni b’tant dedikazzjoni u mħabba waqt il-mixja fil-programm.”

Caritas Malta kompliet tara numru sostanzjali ta’ nies jersqu għall-għajnuna. Fl-2019 resqu 732 persuna bi problema ta’ abbuż tad-droga li minnhom 186 kienu klijenti ġodda u 15% kienu nisa. L-età l-iktar komuni kienet ta’ 33 sena, l-iżgħar fosthom ta’ 14-il sena u l-kbar ta’ 64. Għat-tieni sena konsekuttiva l-ikbar proporzjon ta’ klijenti (41%) kellhom problema primarja bl-użu tal-kokaina. Fit-tieni kategorija, 30% kienu dawk li resqu għall-għajnuna għamlu dan minħabba dipendenza fuq l-eroina. Fl-2019 Cartitas Malta rat l-ikbar perċentwal tal-klijenti li resqu għall-għajnuna minħabba l-Cannabis (24%). 

Sport