Thursday, May 16, 2024

L-IS jgħid li kien wara l-attakk f’ħabs fl-Afghanistan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-grupp tal-Istat Iżlamiku (IS) qal li kien wara l-attakk mwettaq fuq ħabs fil-belt Afgana ta’ Jabalabad li ra mijiet ta’ priġunieri jippruvaw jaħarbu.

L-attakk beda l-Ħadd filgħaxija meta karozzi-bomba ġew sploduti fid-daħla tal-ħabs minn persuni armati u mbagħad issokta matul il-lejl sat-Tnejn filgħodu, bil-militanti Iżlamiċi jiġġieldu kontra l-forzi tas-sigurtà.

Kelliem għall-provinċja ta’ Nangarhar qal li minn tal-inqas 21 persuna nqatlu f’dan l-attakk. Huwa mifhum li 43 persuna oħra ndarbu u ttieħdu fi sptar reġjonali. 

Ġie rrapurtat li tliet aggressuri nqatlu iżda oħrajn kienu qed ikomplu jirreżistu l-forzi tas-sigurtà mill-ogħla sular ta’ bini residenzjali. 

Sors tas-sigurtà qal lill-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali li l-ħabs jilqa’ fi ħdanu aktar minn 1,700 priġunier, ħafna minnhom ġellieda tat-Taliban u l-IS. Ma kienx ċar mill-ewwel jekk dan l-attakk kienx ippjanat biex jinħelsu l-priġunieri.

L-attakk seħħ fit-tielet u l-aħħar jum ta’ waqfien temporanju mill-ġlied bejn il-Gvern Afgan u t-Taliban, b’mijiet ta’ priġuneri Talibani jinħelsu fi sforz biex it-taħditiet għall-paċi jimxu ‘l quddiem bejn iż-żewġ naħat.

Sport