Saturday, December 14, 2024

12-il sena ħabs wara li stupra liż-żewġt itfal subien tas-sieħba

… wieħed minnhom kien ilu jiġi abbużat għal tliet snin

Aqra wkoll

Raġel ta’ 59 sena ġie kkundannat 12-il sena ħabs effettivi wara li ammetta flok għadda ġuri li stupra liż-żewġt itfal subien tas-sieħba tiegħu. 

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel kien beda relazzjoni ma’ omm iż-żewġ subien, liema relazzjoni damet għaddejja 10 snin. F’Jannar tal-2019, it-tifel iż-żgħir, li dak iż-żmien kellu 12-il sena kien ġie lura minn weekend sleepover għand zijuh.

L-akkużat kien tkellem mas-sieħba u qalilha li kien qed jissuspetta ħażin bil-fatt li kien qed jagħmel dan ta’ spiss għand zijuh. Abbażi ta’ dan is-suspett, hija ddeċidiet li tkellem lil binha u staqsietu x’kien joqgħod jagħmel għand zijuh. 

It-tifel qalilha li kien qed jgħinu b’xi xogħlijiet fid-dar. Staqsieha x’kienet ir-raġuni għalfejn kienet qed tagħmillu dawn il-mistoqsijiet u ommu spjegatlu li l-akkużat, li t-tifel kien jgħajjatlu papa’, kien issuspetta ħażin f’zijuh. 

Meta t-tifel sema’ hekk stqarr ma’ ommu li kien fil-fatt l-akkużat u mhux zijuh, li kien ilu tliet snin jabbużah sesswalment. Fil-Qorti ħareġ ukoll li t-tifel kien ġie abbużat sesswalment b’mod ripetut mil-akkużat minn mindu kellu disa’ snin sa ma kellu 12-il sena.

Intqal li f’ġimgħa l-abbużi kien seħħ ġieli kuljum tant li l-minuri ma setax jgħodd id-drabi li ġara. Żied jingħad li l-akkużat kien ġieli jitolbu biex jgħinu f’xi ħaġa tad-dar bħal pereżempju fit-tisjir u meta t-tifel kien imur, l-akkużat kien idaħħal il-parti ġenetali tiegħu f’ħalqu u meta t-tifel ma kienx ikun irid jagħmel l-istess lill-akkużat, l-akkużat kien jisforzah billi jimbuttalu rasu lejn il-parti ġenetali tiegħu. 

Kollox beda meta darba fost l-oħrajn it-tifel kien daħal fil-kċina fid-dar fejn kien jirrisjedi ma’ ommu u ma’ ħuh il-kbir u sab lil ħuh għarkupptejh bil-parti ġenetali tal-akkużat f’ħalqu.

Meta l-minuri ra dan ħassu xxukkjat u telaq jiġri. Xi ġurnata wara tkellem ma’ ħuh li kien qallu li ma seta’ jagħmel xejn għaliex l-akkużat kien jheddu li jrkk se jitkellem kien se jwaddbu minn Għar Ħasan għal isfel. 

It-tifel mar jikkonfronta lill-akkużat u staqsieh x’kien qed jagħmillu lil ħuh u l-akkużat dlonk qallu li se juri u wettaq sess orali fuqu. Dan l-abbuż ingħad li dam għaddej madwar tliet snin.

Dan kollu kien jiġri waqt li l-akkużat kien suppost qiegħed jieħu ħsieb lill-minuri waqt li ommu tkun qiegħda rikoverata fis-sodda ma tistax toħroġ jew timxi minħabba l-operazzjonijiet serji u numerużi li kienet għamlet f’dawk is-snin, anke minħabba li kienet qiegħda tingħata l-kimoterapija għall-marda tal-kanċer fost problemi oħra li kellha.

L-akkużat kien jheddu li jekk se jgħid lil ommu, l-akkużat kien se jispiċċa l-ħabs, huwa jispiċċa f’istitut u ommu tispiċċa f’qiegħ ta’ qabar. 

Irriżulta wkoll li t-tifel iż-żgħir ma kienx l-uniku li ġie stuprat iżda wkoll twettaq ukoll fuq ħuh meta kellu bejn 18 u 19-il sena. Apparti hekk intqal li r-raġel kien stupra lil oħt iż-żewġ subien meta din kellha biss 13-il sena billi daħħal subgħajh fil-parti ġenetali tagħha. 

L-akkużat wieġeb ħati għal Seba’ Kapi ta’ Akkuża, bil-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Dr Consuelo Scerri Herrera tikkundannah għal piena ta’ 12-il sena ħabs. 

Ekonomija

Sport