F’operazzjoni mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħadet diversi sigħat ġew użati xejn minn inqas minn 120,000 litru ta’ ilma biex jintfew nirien li t-Tnejn waranofsinhar ħakmu diversi nħawi f’Malta fosthom numru ta’ għelieqi.
Kien għall-ħabta tas-2.00 p.m. meta d-Dipartiment irċieva żewġ rapporti ta’ ‘grass fire’ fil-Mosta u Wied Għomor, San Ġiljan, b’tal-ewwel jikkontrollawh fi ftit ħin u l-ieħor kien infirex mal-wied kollu.
Fuq il-post marru 30 pumpier, erba’ uffiċjali, u ġew użati 10 vetturi tat-tifi tan-nar. It-Taqsima tat-Tifi tan-Nar u Salvataġġ f’każijiet ta’ Emerġenza (EFRU) u voluntiera tas-St John Rescue Corps u tas-CPD wkoll issejħu biex jassistu.
Għall-ħabta tat-3.00 p.m., il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu mitluba jassistu minħabba ‘grass fire’ ieħor din id-darba qrib Pembroke fejn bagħtet ukoll diversi vetturi tat-tifi tan-nar f’din iż-żona.
Jassistu lill-Protezzjoni Ċivili fil-ħidma tagħhom kien hemm uffiċjali ta’ Trasport Malta u tal-LESA u anke uffiċjali tal-Pulizija li għenu biex jidderieġu t-traffiku.