Saturday, May 4, 2024

AĠĠORNATA: Passiġġiera tweġġa’ gravi u tlieta oħra jindarbu ħafif f’ħabta fir-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

Erba’ persuni ttieħdu l-isptar wara li lbieraħ għall-ħabta tas-2:30 p.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Trakk Foden 345 misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti f’San Lawrenz u vann Toyota ProAce misjuq minn raġel ta’ 23 sena residenti Marsaskala. Konsegwentement, it-Toyota kellu wkoll impatt ma’ vettura u żewġ muturi oħrajn li kienu pparkjati.

Fil-vann kien hemm erba’ passiġġieri nisa Ingliżi – li l-età tagħhom tvarja bejn 53 u 60 sena – li sofrew ġrieħi kawża tal-ħabta bejn iż-żewġ vetturi.

Fil-post issejħu minnufih membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li taw l-assistenza tagħhom u saħansitra kellhom jaqilgħu l-bieba tal-vann biex jinħarġu l-passiġġieri minn naħa ta’ wara tiegħu.

Huma ngħataw l-attenzjoni medika fil-post sakemm waslu l-ambulanzi li ħaduhom lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura. Aktar tard, waħda ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Iż-żewġ xufiera ma sofrew l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Sport