Jerġa’ jibda s-servizz tal-aċċess b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ ta’ minuri fi ħdan id-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ)
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ħabbar li l-aċċessi b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ ta’ minuri li huma regolati bil-Qorti, se jmorru lura għall-mod kif kienu qabel il-Covid-19. Dan se jsir b’xi mizuri addizjonali hekk kif qegħdin isiru aġġustamenti minħabba din in-normalità ġdida. Dan is-sit tkellem ma’ Remenda Grech, Direttur tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan id-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) u ma’ Nathalie Attard Bishop, Direttur tal-Marketing, fejn bi pjaċir qalulna li minkejja s-Supervised Access Visits (SAVs) twaqqfu f’Marzu li għadda, it-tfal komplew bil-kuntatt mal-ġenituri permezz ta’ telefonati Skype.
Minħabba l-miżuri meħuda biex ikun ikkontrollat it-tixrid ta’ dan il-virus f’pajjiżna, l-aċċess b’superviżjoni u moniteraġġ ta’ minuri kien wieħed mis-servizzi li kellu jitwaqqaf, iżda b’inizjattiva sabiħa permezz tat-teknoloġija, dan il-kuntatt bejn it-tfal u l-ġenituri baqa’ għaddej.
Grech qalet lil dan il-ġurnal li b’kollox kellhom total ta’ 123 telefonati fil-ġimgħa li laħqu madwar 144 tifel u tifla. Għal ħafna minn dawn it-tfal din it-transizzjoni kienet avventura u l-ġenituri kkoperaw ħafna għall-ġid ta’ saħħet uliedhom.
Kemm saru telefonati Skype bħala servizz minflok l-SAVs tas-soltu fil-perjodu tal-Covid-19?
Kellna għaddejjin 123 telefonati fil-ġimgħa permezz ta’ Skype u dawn saru ma’ 144-il tifel u tifla. F’dawk l-istanzi fejn kien hemm każijiet ta’ monitoring moniteraġġ u allura kienu jsiru ‘spot checks’, għall-għarrieda, għamilna telefonati mhux ippjanati u minn dawn kien hemm 10 għaxar każijiet.
Kellna tmien każijiet oħra fejn it-tfal huma trabi jew toddlers u wisq żgħar għal telefonati virtwali u għalhekk għamilna ftehim li jintbagħtu vidjows bil-għan li ma jinqatax il-kuntatt. Dan sar bi ftehim ma’ stakeholders ukoll, inkluż id-djar residenzjali filwaqt li s-servizz tal-SAVs, fi ħdan id-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ), fejn segwejna l-proċess u l-andament ta’ dan l-arranġament.
Kif marru dawn it-telefonati? It-tfal adattaw ruħhom sewwa għal din ir-realtà ġdida?
Għal ħafna mit-tfal din kienet avventura jew logħba, fejn aħna tkellimna magħhom u spejgajnielhom li qishom fuq it-televiżjoni u allura kienu eċċitati. L-adolexxenti l-inqas li sabuha diffiċli u kultant spiċċaw jispjegaw lill-ġenituri kif iħaddmu l-affarijiet.
Ħafna drabi l-ħin inqasam biex it-tfal ma jgħejjewx siegħa, sagħtejn bil-qiegħda. Nifhmu li għat-tfal ukoll mhuwiex faċli li l-aċċess isir b’dan il-mod fejn riedu joqogħdu bil-qiegħda quddiem screen, b’hekk konna kreattivi u addattajna għal din ir-realtà.
X’feedback kellkom mingħand il-ġenituri?
It-transizzjoni għal diversi ġenituri ma kinitx faċli però nistgħu ngħidu li kellna koperazzjoni tajba ħafna u diversi nies li ma kinux komdi jużaw it-teknoloġija, li llum fehmu aktar il-proċess u addattaw sew. Is-servizz ukoll ta l-għajnuna sħiħa tiegħu speċjalment fejn hemm diffikultajiet teknoloġiċi u b’hekk flimkien għelibna l-ostakli.
Kellkom xi diffikultajiet u jekk iva, x’tip?
Bħal kull proċess ġdid dan iġib miegħu sfidi ġodda. Il-mod kif huwa normalment l-aċċess primarjament kien li min għandu l-kustodja tat-tfal ma jkunx preżenti fil-kamra waqt l-aċċess. Fit-telefonati online l-ġenitur kien ovvjament preżenti fid-dar waqt li kien qiegħed isir l-aċċess online. Hawnhekk deher fiċ-ċar ħafna l-mixed loyalties li dawn it-tfal jesperjenzaw. Fl-istess ħin kellna diversi ġenituri li fehmu kif qegħdin iħossuhom it-tfal u għaliex verament iġibu l-ġid ta’ wliedhom l-ewwel u qabel kollox, għażlu li jagħtu l-ispazju biex l-aċċess isir b’mod liberu filwaqt li jibqa’ jkun hemm monitoraġġ mis-servizz tagħna.
Esperjenzajna wkoll ir-realtà li xi tfal iddejqu bil-qiegħda quddiem screen għal ħin twil u allura ddiskutejna maż-żewġ partijiet flimkien sibna soluzzjonijiet varji, bħal pereżempju jinqasam il-ħin għal perjodu iqsar kull darba, iżda b’aktar frekwenza.
Ir-realtà mbaghad li ma kienx hemm kuntatt fiżiku fejn ma tistax tħaddan lit-tfal, hija realtà diffiċli li kemm il-ġenituri, kif ukoll it-tfal, iffaċċjaw. Fl-istess ħin fehmu li s-saħħa tal-ulied tiġi l-ewwel u qabel kollox u allura s-sagriffiċju li għamlu żgur li kien apprezzat mill-partijiet kollha involuti.
Kien hemm min ma kellux l-apparat meħtieġ fosthom laptop jew ma kienx jaf jużah biex isiru dawn it-telefonati virtwali? X’sar f’dawn il-każijiet?
Mill-ewwel ġimgħa li twaqqfu l-SAVs kien hemm ħidma biex isiru alternattivi ta’ kuntatt. Bdejna nduru lin-nies li forsi ma kienux daqshekk litterati fit-teknoloġija u l-użu tal-kompjuters u wieħed wieħed rajna kif se ngħinuhom.
Kien hemm min iltaqajna miegħu jew għamilnielhom account biex ikollhom aċċess. Barra minnhekk saret ħidma għal dawk il-ftit li ma kellhomx kuntatt virtwali fejn xorta waħda assigurajna li jkollhom modi oħra li permezz tagħhom tkellmu regolari mat-tfal.
X’inhi t-triq ‘il quddiem?
Id-digriet il-ġdid mogħti mill-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Anthony J. Vella, ingħata wara rikors li ġie ppreżentat mill-Ministeru tal-Familja u wara li d-Direttorat Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) għamel il-verifiki kollha meħtieġa mal-awtoritajiet tas-saħħa u ħadmu fuq linji gwida ta’ kif tali aċċess għandu jsir.
Il-ħaddiema tad-Direttorat se jkunu qegħdin jiżguraw li l-partijiet jkunu konformi mar-regoli tas-social distancing, li l-partijiet jilbsu maskri matul l-aċċess, liema aċċess se jsir f’binjiet varji tal-Fondazzjoni jew fi spazji miftuħa. Aċċess fid-djar se jsir wara assessjar mill-ħaddiema tal-istess Fondazzjoni, filwaqt li każijiet ta’ separazzjoni gwidati minn digriet ta’ aċċess b’superviżjoni se jmorru lura għall-aċċess kif kien qabel ma faqqgħet il-pandemija.
Tfal li jgħixu fi djar residenzjali differenti għalissa mhux se jkunu qegħdin jiltaqgħu fiżikament filwaqt li l-aċċess se jkun limitat għall-ġenituri bioloġiċi u f’ċertu każijiet, in-nanniet. Dan kollu qiegħed isir bil-prinċipju regolatorju li fiċ-ċirkostanzi preżenti, it-tfal kollha għandhom id-dritt li fiżikament jaraw lill-ġenituri tagħhom.