Tuesday, May 14, 2024

“Nixtiequ nibdew il-ħajja personali tagħna … se nagħmel minn kollox biex marti tiġi f’Malta” – Michael Nazir, infermier mill-Pakistan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn VICTOR VELLA

Iżżewweġ lil mara ta’ ħajtu f’Diċembru li għadda. Bħal kull koppja oħra kellhom ħafna pjani għal ħajjithom. Pjani li imma kellhom restrizzjonijiet għax hu kien jaħdem f’Malta u hi l-Pakistan. Jirritorna Malta. Tfaqqa’ l-pandemija. Il-pjan kien li martu tiġi hawn f’April bil-ħsieb li jibdew jgħixu hawn, irabbu familja. Minħabba l-imxija, kollox waqaf. Michael Nazir, spiċċa ukoll f’lock down fid-dar tal-anzjani fejn kien jaħdem. Minkejja dan qatt ma naqas milli ta’ kuljum iċempel u jitkellem ma’ martu minkejja id-differenza fil-ħin. Fi kliemu stess, “nixtiequ nibdew il-ħajja personali tagħna. Se nagħmel minn kollox biex marti tiġi f’Malta”.

Inewsmalta tkellmet ma’ Michael Nazir, dwar dak li għaddejjin minnu bħalissa u l-effett tan-nuqqas ta’ martu f’dan iż-żmien ta’ inċertezza.

Michael jgħidilna li “fl-ewwel ġimagħtejn kont entużjast għax kont naf li hi bbukkjat titjira biex fit-2 ta’ April tiġi lejn Malta. Sfortunatament dan ma setax isir minħabba restrizzjonijiet marbutin mal-imxija tal-COVID19.  Wara ddeċidejna li jien inkompli għaddej b’xogħli u nibqa’ fil-lock down li kien għaddej fid-dar tal-anzjani fejn qed naħdem.  Il-maniġment  u l-istaff kollu ħadmu u għamlu ħafna sagrifiċċji. Jien u marti nitkellmu kuljum. Xi drabi ċċajtajna, dħakna u xi drabi konna imdejqin ukoll. It-tama imma li ningħaqdu flimkien baqgħet hemm.”

Difficli bħala koppja li tgħix ħajja imbegħdin minn xulxin

Michael jgħidilna li “hi verament iebsa bħala koppja li ngħixu mbegħdin minn xulxin.  Hemm ukoll id-differenza fil-ħin.  Jien naħdem bix-xift u waqt li nkun xogħol ma nkunx nista’ nikkomunika magħhom. Meta qed nirritorna lejn id-dar, insibha dejjem qed tistennieni. Jien ngħidilha tmur torqod għax hemm erba’ sigħat differenza fil-ħin.”

“Nixtiequ u għandna bżonn nibdew il-ħajja personali tagħna. Il-familji tagħna huma kommessi li jagħmlu li jistgħu biex aħna nkunu flimkien”.

 Mort Identity Malta imma ħriġt b’idi f’idi … għadni ma qtajtx qalbi

Michael jgħidilna li “marti Chanda għamlet masters fin-nursing. Bħalissa hi qed taħdem  f’università medika fil-Pakistan bħala Viċi Prinċipal. Hi qed tgħallem studenti li jridu jaqbdu l-professjoni ta’ infermiera.  Nista’ ngħidlek li mort Identity Malta u wrejthom il-Visa, iżda bqajt b’idejja votja. Għadni imma ma qtajtx qalbi”.

Kienet ħolma tiegħi li naħdem mal-anzjani

“Minn dejjem kienet ħolma tiegħi li naħdem fil-qasam tal-anzjani. Fis-sena 2004 missieri ġie nieqes. Fis-sena 2005 ommi spiċċat paralizzata u jien iddeċidejt li nkun infermier.  Studjajt u servejt f’diversi sptarijiet bħala infermier.  Jien bħala professjoni infermier, iżda hawn qed naħdem bħala carer. Kont motivat li naħdem mal-anzjani, minħabba l-ġenituri tiegħi.” 

Jenfasizza li “fil-futur nixtieq  li nilgħab fil-worldclub tal-cricket għal Malta. Din suppost se ssir f’Awwissu imma issa kollox jiddependi mill-imxija tal-COVID19.”

“Jien u marti qattajna ġimagħtejn biss flimkien”

Michael jisħaq li “jien u marti qattajna ġimagħtejn biss flimkien. Irridu li nibnu ħajjitna flimkien. Hi trid tagħmel PHD u jien mhux se nwaqqafha milli tistudja.  Se nagħmel dak kollu possibbli biex hi tiġi hawn. Jekk dan ma jsirx, ma jkollhix triq oħra għajr li nmur lura l-Pakistan”. 

Sport