Bejn it-13 u t-18 ta’ Mejju, kważi elf atleta minn ħamsa u għoxrin pajjiż differenti se jżuru Malta biex jieħdu sehem fl-ewwel Special Olympics Invitational Games li qatt sar.
F’Business Breakfast fil-Kottonera Sport Complex, Il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela qalet li dan l-avveniment huwa l-bidu tal-2022 u se jwassalna għall-ġirja lejn il-Logħob. Hija rringrazzjat lill-kumitat organizzattiv tant dedikat għall-enerġija u l-isforz li qed jagħmlu biex il-logħob ikun suċċess. Hija rringrazzjat ukoll lill-Għaqdiet għall-involviment tagħhom mhux biss fil-logħob iżda fil-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ u t-tfal matul is-snin. Dr Abela qalet li hi kburija li tmexxi dan it-tim u ċerta li f’Mejju, Malta se tkun ċentru ta’ sport u inklussività.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li SportMalta huma msieħba kburin tal-Logħob. L-entità se tinvesti aktar minn żewġ miljun Ewro fi proġetti Infrastrutturali għal-logħob. Is-Sur Mark Cutajar semma li qed isiru xogħlijiet fis-Sala tal-Isport tal-Università, il-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali filwaqt li l-korsa tal-Atletika ta’ Matthew Micallef San Ġwann se tinbidel f’arena ta’ l-ghola livell tal-atletika. Cutajar jirringrazzja lil Anna Calleja li ffaċilitat it-triq biex il-moviment Special Olympics f’Malta jespandi. Iċ-chairperson tal-kumitat organizzattiv Onor Oliver Scicluna enfasizza x-xogħlijiet li qed isiru u qal li dawn il-logħob se jkunu notevoli fl-istorja sportiva Maltija.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima tkellem dwar ir-rabta bejn dan l-avveniment sportiv u l-edukazzjoni. Huwa rringrazzja lill-għaqdiet kollha involuti f’dawn il-logħob u talabhom jingħaqdu ma’ dan il-moviment biex il-Logħob ikun ta’ suċċess. Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar l-inklussività u l-għaqda. Qalet li Malta għandha tħares lejn dawn il-logħob bħala tluq ta’ vjaġġ li se jwassal biex dawn l-atleti jkunu parti mill-familja kbira fis-snin li ġejjin.
Il-President tal-Ispecial Olympics tal-Eurasia, David Evangelista, spjega kemm kien impressjonat u kuntent bil-ħidma li qed issir minn diversi voluntiera li ngħaqdu ma’ Special Olympics biex jassiguraw li dawn il-logħob ikunu ċelebrazzjoni ta’ inklussività hawn Malta. Huwa rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-kabinett tiegħu għall-appoġġ li ngħata lil-Logħob.
Matul dawn il-Logħob se jkun hemm sitt dixxiplini sportivi differenti, li se jsiru fil-faċilitajiet ta’ SportMalta fil-Marsa, Tal-Qroqq u l-Eden Super Bowl. Dawn huma l-atletika, il-bowling, it-table-tennis, l-għawm, il-bocce u l-futbol.
Christabelle D’Amato, Direttur ta’ Special Olympics tat aktar dettalji ta’ dawn l-avvenimenti u stiednet lill-Assoċjazzjonijiet biex jingħaqdu f’dawn il-ħames xhur biex il-logħob ikun avveniment sportiv ta’ livell għoli. Is-Sinjura D’Amato enfasizzat l-attivitajiet differenti li se jkunu parti integrali minn dan il-logħob, fosthom Forum ta’ livell għoli dwar l-inklużjoni u logħba ta’ dimostrazzjoni tal-waterpolo unifikata.
Il-Kurunell Mark Mallia spjega li l-kumitat jinsab impenjat ħafna jaħdem fuq diversi aspetti. Semma li ċ-ċerimonja tal-ftuħ se ssir fil-Belt Valletta u din żgur se tkun esperjenza memorabbli għall-parteċipanti u l-ispettaturi. Qal li l-kumitat qed iqis ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-pandemija u huwa ppreparat għaċ-ċirkostanzi kollha. Xogħlijiet fuq faċilitajiet, akkomodazzjoni, loġistika, trasport u volontarjat qed jiġu ttrattati wkoll fid-dettall. Mallia rringrazzja lil dawk kollha involuti u kellu sejħa għall-voluntiera li huma vitali għas-suċċess ta’ dan l-avveniment.