Wednesday, June 24, 2026

13-il persuna mejta u għexieren midruba fi splużjoni fil-Qatar

Aqra wkoll

Mill-inqas 13-il persuna nqatlu u 66 oħra ndarbu wara splużjoni li seħħet fl-akbar faċilità tal-gass tal-Qatar, is-sit ewlieni tal-ipproċessar tal-gass naturali likwifikat (LNG) fiż-żona industrijali ta’ Ras Laffan nhar il-Ħadd filgħaxija. Minkejja l-gravità tal-isplużżjoni, il-Ministru tal-Enerġija tal-Qatar Saad Sherida al-Kaabi qal li din mhux se taffettwa l-esportazzjonijiet tal-pajjiż. 

Il-Port ta’ Ras Laffan huwa l-akbar port artifiċjali fid-dinja u għandu l-akbar faċilità ta’ esportazzjoni tal-LNG fid-dinja. Kien ukoll fil-mira ta’ attakki Iranjani aktar kmieni din is-sena. Madankollu, ġie eskluż li l-isplużjoni ta’ nhar il-Ħadd la kienet sabotaġġ u lanqas att ostili.

Il-qawwa tal-isplużjoni li kissret il-ħġieġ tat-twieqi, inħasset madwar iċ-ċentru ta’ Doha u qanqlet paniku fost ir-residenti sa aktar minn 70 kilometri ‘l bogħod minn Ras Laffan.

Il-produzzjonital-impjant twaqqfet kompletament f’Diċembru 2025 minħabba bżonnijiet urġenti ta’ manutenzjoni, u reġgħet bdiet mill-ġdid jumejn ilu biss. 

Issa inbdiet investigazzjoni dwar il-kawża tal-inċident filwaqt li ġie kkonfermat li dawk li nqatlu fl-isplużjoni kienu kollha ħaddiema mill-Indja u l-Pakistan.

L-Ambaxxata tal-Indja f’Doha qalet li kienet f’kuntatt kostanti mal-awtoritajiet tal-Qatar u se tagħti l-għajnuna kollha lill-familji ta’ dawk li tilfu ħajjithom jew li ndarbu.

Nhar il-Ħadd, QatarEnergy, li hija l-kumpanija tal-enerġija tal-istat tal-pajjiż, ikkonfermat li l-isplużjoni seħħet fil-“faċilità lokali tal-provvista tal-gass ta’ Barzan fis-sigħat ta’ filgħaxija tal-Ħadd 21 ta’ Ġunju. L-isplużjoni seħħet hekk kif il-ħaddiema kienu qed jerġgħu jibdew operazzjonijiet li kienu twaqqfu f’Marzu.”

Matul il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael mal-Iran, il-Port ta’ Ras Laffan sofra “ħsarat estensivi” minn attakki ta’ ritaljazzjoni Iranjani peress li l-Qatar huwa fornitur ewlieni tal-enerġija globali.

Il-Qatar kien issospenda l-produzzjoni b’reazzjoni għall-kunflitt, u b’hekk waqqaf 20 fil-mija tal-LNG tad-dinja. Il-konsenji reġgħu ssoktaw dan l-aħħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport