Wednesday, June 24, 2026

Il-Kwalità tal-Ħajja fiċ-Ċentru tal-Politika tal-Gvern

Aqra wkoll

Id-diskors tal-President fil-ftuħ tal-15-il leġiżlatura, bla dubju kien indikazzjoni ċara li l-programm tal-Gvern se jiffoka l-aktar fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan il-proċess se jkun rifless fit-twettiq tal-miżuri, l-aktar dawk soċjali, kif imwiegħda fil-manifest elettorali “Int Malta”, li bih il-Partit Laburista reġa’ kiseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Għandna għax nemmnu li kif qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, huwa kruċjali ħafna li l-kwalità tal-ħajja tibqa’ l-objettiv ewlieni tal-politika attwali tal-Gvern. Dan kollu iżda ma jkunx jista’ jsir jekk ma jkollniex ekonomija b’saħħitha, reżiljenti li kapaċi tilqa’ għall-isfidi kemm f’pajjiżna u anke dak li jseħħ fil-qasam internazzjonali. Għaliex mingħajr ekonomija li trendi, inutli li jkollna ħafna miżuri soċjali fuq il-karta, li ma jkunux jistgħu jitwettqu għax ma jkunx hemm x’jissostanzjahom.

Għalhekk f’dan il-kuntest, nemmnu wkoll li ladarba l-mudell ekonomiku ħadem, u ħadem tajjeb, għandu jkompli jibni fuq dak it-tajjeb kollu li diġà sar u jaġġorna biss fejn ikun hemm bżonn biex jiġi rranġat dak li b’xi mod ma jkunx sar kif mistenni. Dan għaliex jekk ma jkunx hemm dan l-arranġament, l-ekonomija tkun fil-periklu li tistaġna u bil-konsegwenza li ma tkunx tista’ twieżen il-qasam soċjali u ssaħħaħ dak ekonomiku.

Għandna nibqgħu nirrikonoxxu wkoll l-għajnuniet li qed jingħataw anke fil-forma ta’ sussidju partikolarment fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Dan ukoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u għalhekk napplawdu l-ftehim li tħabbar fil-jiem fil-għaddew dwar il-provvista tal-LNG, li ta garanzija wkoll li din il-provvista se tibqa’ bla mittiefsa tal-inqas sa Mejju tal-2027. 

Dan għandu għax iqawwilna qalbna u jserrħilna moħħna mill-garanzija li l-prezzijiet f’dan ir-rigward se jibqgħu stabbli u mhumiex se jogħlew. Dan għandu wkoll ikun apprezzat min-negozji li l-ispiża tagħhom mhix se tiżdied billi l-piż se jibqgħu jerfgħu l-Gvern kif għamel tul dawn l-aħħar snin u jidher li hekk se jkompli jagħmel fis-snin li ġejjin.

Fuq kollox, meta wieħed jikkonsidra dawn l-affarijiet kollha, se jkun qed jiġi garantiti wkoll l-impjiegi ta-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport