Friday, November 15, 2024

13-il xahar ħabs għal Sirjan fuq traffikar ta’ persuni

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 50 sena, ġie kkundannat 13-il xahar wara li ammetta li flimkien ma’ persuni oħra kien involut fi traffikar tal-bnedmin. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ngħata l-minimu tal-piena f’każ li nstema’ bil-magħluq. 

Fl-aħħar jiem il-Pulizija investigat id-dħul f’pajjiżna b’mod illegali ta’ numru ta’ persuni. Il-każ seħħ fil-bajja ta’ Delimara bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru 2022. Wara li l-Pulizija kienu ssejħu fuq il-post, l-attenzjoni tal-investigazzjoni ffokat ukoll fuq min seta’ kkordina biex seħħ dan l-iżbark.

L-investigazzjonijiet wasslu biex jiġi arrestat is-Sirjan u jitressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tard it-Tnejn filgħaxija, fejn kien akkużat b’reati relatati mat-traffikar ta’ persuni. 

Filwaqt li wieġeb ħati tal-akkużi, huwa kien ikkundannat għal piena ta’ 13-il xahar priġunerija. Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li jitressqu iktar persuni. 

L-Ispettur Karl Roberts mexxa l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għas-Sirjan.

Ekonomija

Sport