Wednesday, April 17, 2024

Infrastructure Malta tlesti 128 triq residenzjali fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena

Aqra wkoll

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 128 triq residenzjali oħra fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa. Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia li spjega li flimkien mal-proġetti infrastrutturali kbar li qed isiru, qed ikompli x-xogħol ta’ kuljum fuq toroq residenzjali u rurali, skont il-bżonnijiet tan-nies.

Il-128 triq residenzjali li nbnew mill-ġdid bejn Jannar u Awwissu jammontaw għal madwar 27 kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. L-eluf ta’ familji li jgħixu f’dawn it-toroq jingħaqdu ma’ dawk f’toroq oħrajn li l-aġenzija lestiet fit-tliet snin ta’ qabel, hekk kif il-programm nazzjonali għal toroq residenzjali aħjar f’Malta mifrux fuq seba’ snin issa jinsab fir-raba’ sena tiegħu.

“Flimkien mar-residenti u l-kunsilli lokali rridu naraw kif noħolqu infrastruttura għan-nies, infrastruttura li sservi l-bżonnijiet tas-soċjetà. Imma mhux biss – l-infrastruttura jeħtieġ li ttejjeb l-kwalità tal-ħajja u tkun adattata għaż-żmien li qed ngħixu fih u għaż-żmien li ġej. Se noħolqu skemi biex kunsilli lokali jkollhom inċentiv biex jinvestu f’active mobility spaces fejn illum miksi b’tarmak. Inċentivi li jagħmlu sens, inċentivi li joħolqu diskussjoni biex mhux bilfors nagħmlu dak li dejjem għamilna filwaqt li nibnu fuq it-tajjeb li sar. Permezz ta’ dan l-investiment li qed nagħmlu, qed naraw li nlestu lill-pajjiż b’infrastruttura moderna u li tixraq għas-seklu 21”, stqarr il-Ministru Farrugia.

F’dawn il-128 triq residenzjali Infrastructure Malta żiedet jew bniet mill-ġdid 50 kilometru ta’ bankini u qiegħdet 80 kilometru ta’ servizzi ġodda għad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, katusi u kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u pajpijiet (ducts) għall-cables tal-internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni. Sabiex lestew il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq, il-kuntratturi tal-aġenzija użaw 73,000 tunnellata ta’ asfalt. Kull fejn ikun meħtieġ fit-toroq li twettaq xogħlijiet fihom, Infrastructure Malta qed tagħmel sistemi ġodda ta’ katusi u spralli għall-ilma tax-xita. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs l-aġenzija żiedet aktar minn 53 kilometru ta’ katusi, kanali u spralli għall-ġbir tal-ilma tax-xita mit-toroq Maltin. Fl-istess waqt qed tirranġa, tnaddaf u ttejjeb sistemi tal-ilma tax-xita li kienu diġà jeżistu f’toroq oħrajn.

L-aġenzija rnexxielha żżomm ir-ritmu tal-ħidma tagħha fit-toroq residenzjali u ttejjeb il-kwalità tagħhom fl-istess żmien li għadha qed twettaq għadd ta’ proġetti infrastrutturali kbar bħal Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), Luqa Junction Project, Mriehel Underpass Project u Grand Harbour Clean Air Project, fil-Port il-Kbir. Fl-istess waqt baqgħet għaddejja wkoll bit-titjib tat-toroq rurali u bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. L-investiment bla preċedent għat-titjib ta’ toroq residenzjali se jkompli bla heda fix-xhur li ġejjin, tant li Infrastructure Malta diġà għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq oħra filwaqt li xogħlijiet f’toroq oħrajn ser jibdew dalwaqt.

Ekonomija

Sport