Friday, April 26, 2024

Titnieda Socktober bil-ħsieb li tgħaqqad tfal minn madwar id-dinja

Aqra wkoll

Missio Malta flimkien mal-Malta FA u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, nhar it-Tnejn nedew il-proġett Socktober.

L-inizjattiva għandha l-għan li tkabbar għarfien fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u x-xogħol li jwettqu l-missjonijiet madwar id-dinja permezz tal-logħba tal-ballun.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, l-Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta Robert Farrugia stieden lin-nurseries kollha ta’ Malta u Għawdex biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.

“Permezz ta’ Socktober irridu nilħqu t-tfal li jattendu n-nurseries tal-football u nkellmuhom b’lingwa li huma jifhmu sew. Nixtiequ nirrakkuntawlom stejjer dwar tfal bħalhom f’pajjiżi ‘l bogħod, u kif dawn joħolqu l-blalen tagħhom, minn materjal differenti.

“Irridu li dan ikun proġett divertenti li jressaqna flimkien waqt li nkabbru l-għarfien dwar ix-xogħol tal-Missio Malta ‘l bogħod minn xtutna” spjega Robert Farrugia.

Pamela Schembri Direttur tal-Media fil-Malta FA qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li l-Assoċjazzjoni qed tieħu sehem f’din l-inizjattiva ta’ għarfien dwar it-tbatijiet li jgħaddu minnhom tfal f’pajjiżi remoti u fejn il-kelma faqar hija xi ħaġa ta’ kuljum.

“Inizjattivi bħal dawn iwasslu messaġġ ta’ solidarjeta fost it-tfal u l-importanza li ngħinu u nkunu solidari lejn ħaddieħor”.

Żiedet tgħid li l-Football Social Responsibility u l-Fondazzjoni ‘Inħobb il-Futbol’ li t-tnejn jaqgħu taħt il-Malta FA dejjem ikunu minn ta’ quddiem f’inizjattivi ta’ solidarjeta fil-komunita u avvenimenti oħra li jibnu għarfien.

Socktober ser issir f’Ottubru u Novembru u hija miftuħa għat-tfal kollha li jattendu n-nurseries tal-football f’Malta u Għawdex.

Personalitajiet fil-football f’Malta li se jkunu ambaxxaturi f’din l-inizjattiva huma Michael Mifsud, Andrei Agius, Beppe Antignolo, Jose Borg, Gabriella Zahra u Charlene Zammit.

In-nurseries li ser jipparteċipaw se jkunu qed jorganizzaw workshops li fihom it-tfal jibnu sock-ball magħmul minn diversi materjali riċiklati, fosthom karti, drapp u kartun.

Il-parteċipanti huma mistiedna jagħtu donazzjoni lil Missio Malta biex tkompli bil-ħidma tagħha fil-missjonijiet.

Sport