Tuesday, December 24, 2024

IL-FENOMENU TAL-‘EARLY SCHOOL LEAVERS’

Aqra wkoll

Is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna hi pilastru ewlieni għall-ġejjieni ta’ pajjiżna. Dan għaliex l-edukazzjoni jipprovdu l-ġenerazzjonijiet li jridu jmexxi lil dan il-pajjiż politikament, ekonomikament u soċjalment. Dan hu kruċjali għall-ħajja ta’ pajjiżna jekk irid jibqa’ b’saħħtu f’diversi oqsma. 

Sfortunatament, għal xi raġuni, is-sistema edukattiva forsi ma kinitx attraenti biżżejjed għaż-żgħażagħ u l-istudenti tagħna tant li Malta kienet tikklassifika fost l-ogħla pajjiżi Ewropej li kienu qed jaraw ħafna studenti żgħażagħ jitilqu mis-sistema edukattiva (early school leavers).

Donnu dan il-fenomenu ma stajniex insibu rkaptu tiegħu jekk hux minħabba diffikultajiet soċjali jew ekonomiċi li kienu qed jaffaċċjaw ċertu kategoriji ta’ studenti. 

B’sodisfazzjon ninnutaw iżda li dan ix-xenarju bħal donnu qed jinbidel għat-tajjeb tant li l-isforzi li saru ħallew riżultat fejn naqas l-għadd ta’ studenti li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. 

Fil-fatt, l-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat kif ġiet replikata fid-dokument ta’ qabel il-budget 2023 turi tnaqqis ta’ kważi 10% fl-għaxar snin li għaddew, bejn l-2010 u l-2021. 

Riżultati inkoraġġanti bħal dawn huma ta’ min ifaħħarhom u jieħu gost bihom, għalkemm għad fadal ħafna xi jsir biex tinbidel il-mentalità u ż-żgħażagħ u l-istudenti jdumu aktar fis-sistema tat-tagħlim u t-taħriġ. 

Dan jawgura tajjeb għall-ġejjieni aħjar ta’ pajjiżna. Għalhekk jidher ukoll illi l-fondi mill-Fond Soċjali Ewropew qed jintefqu fid-direzzjoni t-tajba partikolarment it-twaqqif ta’ konsorzju biex tiġi żviluppata strateġija għal monitoraġġ u intervent fl-iskejjel fejn jinstab li hemm diffikultajiet.

Kien pass tajjeb li fid-dokument ta’ qabel il-budget tissemma’ l-istrateġija nazzjonali tal-litteriżmu għad-disa’ snin li ġejjin. L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li tgħolli l-livell tal-litteriżmu u li tiżgura aċċess għall-iżvilupp tal-ħiliet professjonali f’dan ir-rigward.

F’dan il-kuntest insemmu wkoll bħala pass pożittiv il-kampanja ma taqta’ xejn li qed issir biex il-qari jinxtered iktar fost il-poplu, kbar u żgħar. Dan iwassal biex ikattar l-għerf u komunikazzjoni sana fis-soċjetà tal-lum u ta’ għada. 

Bħala pajjiż, iffortunati wkoll li għandna għalliema ta’ ċertu kalibru fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna.

Ekonomija

Sport