Monday, May 13, 2024

14-il avukat ġdid u 2 prokuraturi legali ġodda jingħataw il-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil 14-il avukat u 2 prokuraturi legali wara li wrew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.

F’ċerimonja ġewwa Spazu Kreattiv, il-ministru awgura lill-avukati l-ġodda filwaqt li saħaq li huwa d-dmir tagħhom li jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja u rappreżentanza legali tajba lil kull ċittadin. Qal ukoll li għandhom iwettqu dmirhom bis-serjetà u b’rispett sħiħ lejn il-kostituzzjoni, il-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.

“Pajjiżna għaddej minn numru sostanzjali ta’ riformi fis-settur tal-ġustizzja li jindirizzaw varji setturi inkluż il-proċedura fil-kamp kriminali b’mod partikolari il-kumpilazzjonijiet, l-inkjesti maġisterjali u l-Qorti tad-Droga, ser tkun qed tiddaħħal aktar speċjalizzazjoni bil-ħolqien ta’ Qorti Kummerċjali u fil-ġimgħat li ġejjien ser tkun imnedija għall-konsultazzjoni pubblika riforma fis-settur tal-Qorti tal-Familja. Dawn kollha flimkien ma aktar inizjattivi huma intenzjonati biex ikollna sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti u effettiva,” qal il-ministru.

Huwa rringrazzja wkoll lil dawk kollha nvoluti fil-proċess tal-warrant, mhux lanqas il-Ġudikatura u l-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali.

Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti wkoll l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttiġieġ u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea.

Sport