Raġel minn Sirakuża ġie kkundannat 14-il sena ħabs u mmultat €28,000 wara li ammetta flok għadda ġuri li f’Novembru tal-2018 importa 10 kilogrammi ta’ kannabis, bl-intenzjoni li jittraffikaha.
Gaetano Campailla ta’ 56 sena wieġeb ħati wkoll għall-akkużi ta’ pussess aggravat tal-kannabis. Il-ġuri tiegħu kellu jibda t-Tnejn filgħodu, iżda d-difiża u l-prosekuzzjoni qablu dwar il-piena li kellu jingħata wara li ġiet irreġistrata ammissjoni. Min-naħa tagħha l-Qorti Kriminali ma sabet l-ebda oġġezzjoni biex isir dan il-ftehim.
Fil-Qorti nstema’ kif il-każ imur lura għall-2018, meta vettura tal-għamla Ford Kuga li niżlet mill-Katamaran qanqlet suspett wara li kelb tad-Dwana indika li seta’ kien hemm id-droga fiha.
Għalhekk il-karozza tal-Isqalli ġiet ikkonfiskata biex isiru aktar tfittxijiet fiha, fejn imbagħad instabet id-droga moħbija f’kompartamenti fil-bibien tal-karozza.
Campailla kien ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih meta kien tressaq fil-Qorti iżda għażel li jammetti meta kellu jibda l-ġuri tiegħu. L-Imħallef Aaron Bugeja, ikkundannah piena ta’ 14-il sena priġunerija flimkien mal-imsemmija multa.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Ilenia Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mentri l-Avukat Simon Micallef Stafrace ddefenda lil Gaetano Campailla.