Saturday, December 21, 2024

140 sena minn meta d-dawl artifiċjali ħa post il-lampi tal-gass fit-Teatru Rjal

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

140 sena ilu, sewwa sew f’Jannar tal-1882, f’Malta nxtegħel għall-ewwel darba d-dawl elettriku. Ftit hemm informazzjoni dwar dan u x’aktarx ftit kienu n-nies li setgħu jaraw din l-invenzjoni li kienet għadha fi stadju bikri fl-Ewropa.

Il-bniedem kien ilu snin jixxennaq u jesperimenta biex id-dlam tal-lejl jiksru bid-dawl artifiċjali. F’Malta l-ewwel okkażjoni  ma setgħetx tonqos li tkun fejn kienet tiltaqa’ l-krema tas-soċjetà u dan seħħ fit-Teatru Rjal waqt l-Opera Un Ballo in Maschera. Sa dak iż-żmien, it-teatru kellu lampi tal-gass li kienu jikkawżaw skumdità kbira lill-udjenza l-aktar fl-għajnejn u bl-uġigħ ta’ ras. 

L-ewwel magna li ssuplxxiet l-elettriku f’Malta (ca. 1895)

Possibbilment l-ewwel darba li l-elettriku wasal f’dar privat kien f’Settembru tal-1883 meta l-Kavallier Edward Rosenbusch ħareġ stedina lil dinjitarji u ħbieb tiegħu biex jaraw s-sistema tal-elettriku fid-dar tiegħu f’27 fi Triq il-Merkanti l-Belt.

F’dik l-okkażjoni kienet il-kumpanija Ingliża The Eastern Electric Light & Power Company li ipprovdiet il-ġeneratur tal-elettriku.

L-ewwel spinta għal ġenerazzjoni tal-elettriku f’Malta iżda seħħet bl-ewwel power station li kienet inbniet taħt l-Għolja tal-Kurċifiss fil-Floriana. Din ġiet inawgurat f’Diċembru tal-1896 u bdiet tforni l-elettriku l-Belt, l-Floriana u l-Marsa u aktar tard lill-bliet tal-Kottonera. 

F’dawk is-snin bikrin tal-elettriku f’Malta, jidħol fl-istorja Joseph Sacco Albanese li jista’ jitqies pijunier f’dan il-qasam. 

Invit biex il-pubbliku jzur l-ewwel darba li dar privata inxtghelet bid-dawl elettriku (ca. 1884)

Sewwasew fl-1890, tmien snin biss wara li nxtegħel għall-ewwel darba l-elettriku f’Malta, Joseph Sacco Albanese minn Bormla ma qatax qalbu li sab bibien magħluqa biex jibda jinvolvi ruħu f’dan is-settur ġdid.

Huwa telaq minn apprentist fit-tarzna navali u b’determinazzjoni liema bħala mar l-Amerika u għalkemm oriġinalment kellu ittra ta’ rifjut, spiċċa jaħdem mal-kumpanija Edison fi New York li kienet għaddejja bosta invenzjonijiet fil-qasam tal-elettriku.

L-ikbar kontribut tiegħu għall-istorja tal-elettriku f’Malta kien fl-1901,meta  ippropona t-tram li saret mill-kumpanija Macartney, McElroy & Co. Ltd li eventwalment lejlet il-Milied tal-1903  iffirmat ukoll ftehim biex tibni l-lift l-antik tal-Belt.  

Nistgħu ngħidu li fis-snin bikrin tal-elettriku f’Malta, kemm tram kif ukoll il-lift tal-Barrakka kienu l-ewwel forom tal-elettrifikazzjoni tat-trasport f’Malta.

Ekonomija

Sport