Wednesday, April 24, 2024

“F’Għawdex inħolqu 2,000 impjieg ġdid waqt pandemija” – Il-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dwar Għawdex, il-Prim Ministru qal li “f’din il-gżira ġibna xogħol u investiment bla preċedent.”  Qal li meta faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna f’Marzu tal-2020, rajna li kien hemm livell ta’ inċertezza u f’Għawdex dik l-inċertezza jista’ jkun inħasset aktar.

Qal li fil-mument li dan il-Gvern fehem li l-affarijiet f’Għawdex qegħdin għat-telgħa, intervjena b’mod aggressiv. Qal li għal kull miżura li saret f’Malta biex ikun megħjuna n-nies u n-negozji, f’Għawdex il-Gvern ra li kull miżura tkun ġeneruża.

“Ilqajna l-pandemija bl-aqwa mod possibbli u nħossni sodisfatt li Għawdex baqa’ miexi ‘l quddiem iżda mhux staġnat fejn kien minħabba l-pandemija. Illum għandna l-inqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol li qatt kellna f’Għawdex, bħal Malta.

“F’dawn is-sentejn, f’kull ġurnata f’Għawdex, żewġ Għawdxin aktar kisbu xogħol full-time, kellna persuna aktar f’għawdex li ta’ kuljum daħlet ġewwa xogħol part-time. Dan ifisser li waqt pandemija, f’Għawdex ħloqna 2,000 impjieg ġdid.” 

“Għal kull 2 Għawdxin li kien hawn jaħdmu fl-2013, minkejja l-pandemija llum hemm 3 Għawdxin. Għandna wkoll l-aktar numru ta’ Għawdxin li qed jaħdmu f’Għawdex stess,” żied jispjega l-Prim Ministru.

Huwa tenna li mhux minnu t-twemmin li għandu l-Partit Nazzjonalista li l-ħaddiema mas-servizz pubbliku mhumiex meħtieġa u lanqas mhu minnu li żiedu l-impjiegi billi ddaħħlu n-nies mal-Gvern biss.

“Fl-2012, fis-settur privat kellna ftit aktar minn 700 persuna li kienu jaħdmu fis-servizzi professjonali, fis-servizzi finanzjarji u fl-informatika f’Għawdex. Illum għandna aktar minn 2,700, erba’ darbiet iżjed.”

Dr Abela tkellem ukoll dwar il-proġetti tal-fast ferry, it-tieni fibre optic cable, u tar-reverse osmosis. Barra minn hekk, huwa rrefera għal skemi oħra li għamel da il-Gvern fosthom inċentivi għal min jixtri proprjetà fil-qalba tal-irħula. 

Il-Prim Ministru enfasizza li: “Għawdex se jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li se jibqa’ jieħu dan il-Gvern. Dawn ir-riżultati huma frott tal-politika ekonomika li dan il-Gvern adotta mill-2013 ‘il quddiem. Fl-istess waqt, żammejna wkoll il-prezz tal-enerġija stabbli. Għan-negozji mhux talli żammejnieh kif kien, imma ħallasnielhom parti mill-kont tad-dawl u l-kera.

“Fl-eqqel tal-pandemija raħħasna l-prezz tad-diesel u l-petrol. Illum għandna l-orħos rata ta’ kontijiet tad-dawl u l-orħos fjuwils fiz-żona Ewro. Urejniehom lin-negozji li konna magħhom waqt pandemija u se nibqgħu magħhom.

“Fhimna li malli konna se nagħlqu ħafna mill-ekonomija ta’ pajjiżna, id-domanda kienet se tkun kif se nagħmlu tajjeb bil-qagħad ma jerfax rasu. Ħadna d-deċiżjoni li ninvestu fin-nies. Bdejna billi mill-manwal ekonomiku tal-Gvern Malti tajjarna kelma waħda – awsterità. Minflokha daħħalna l-kelma investiment. Il-kriżi tal-pandemija m’użajnihiex biex nillappazzaw iżda biex noħolqu viżjoni ġdida għal dan il-pajjiż.”

Sport