143 ċitazzjoni fuq konsum tal-kannabis fil-pubbliku fi kważi tliet snin

Aqra wkoll

Fi kważi tliet snin, inħarġu 143 ċitazzjoni b’rabta ma’ ksur ta’ liġi fejn jidħol konsum ta’ kannabis fil-pubbliku. Dawn il-multi kienu maqsuma kif ġej: 12 fl-2024, 66 fl-2025 u 65 sal-4 ta’ Novembru ta’ din is-sena. 

Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Laburista Mariah Meli.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Bedingfield semma wkoll li riċentament tħabbar li t-tipjij tal-kannabis se jkun inkluż fil-lista tal-‘On the Spot Fines’. 

Intant, f’kitba fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, l-Onor. Mariah Meli qalet li bħala Membru Parlamentari, ir-rwol tagħha hu li tisma’ liċ-ċittadini, tirrappreżentahom u twassal it-tħassib tagħhom. 

Hija qalet li b’rabta ma’ dak li tkellmet dwaru fix-xhur li għaddew, ressqet mistoqsija dwar il-konsum tal-kannabis fil-pubbliku u l-infurzar f’dan ir-rigward. 

Meli laqgħet ukoll il-pass imħabbar ftit tal-jiem ilu biex it-tipjip tal-kannabis fil-pubbliku jkun inkluż fil-lista ta’ ksur li għalih jistgħu jinħarġu multi fuq il-post. 

“Flimkien mat-tisħiħ tal-infurzar, jeħtieġ li tissaħħaħ ukoll l-edukazzjoni biex titrawwem aktar responsabbiltà u rispett lejn xulxin fl-ispazji pubbliċi.

“It-tħassib tar-residenti jistħoqqlu tweġibiet ċari u azzjoni konkreta għalhekk se nkompli naħdem biex inwassal leħinhom u naħdem biex dejjem nipproteġu aħjar lit-tfal, lill-familji u lill-komunitajiet tagħna,” hija temmet tgħid. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport