Minn Cristian Muscat
Ir-riforma GoPRO, li ġiet ippreżentata waqt it-tielet Assemblea Ġenerali Ordinarja tal-Malta Football Association, kienet is-suġġett ewlieni ta’ intervista li dan is-sit kellu mal-Viċi President tal-MFA, Matthew Paris.
Din ir-riforma ambizzjuża għandha l-għan li tbiddel il-mod kif jiġi organizzat il-football taż-żgħażagħ f’Malta, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u eventwalment jagħmlu l-pass lejn il-football tal-kbar.
Dr Paris spjega li l-preżentazzjoni li saret waqt l-Assemblea Ġenerali kienet biss il-bidu ta’ proċess li għandu jwassal għal bidliet importanti fil-football Malti.
“Din hija riforma ambizzjuża ħafna. Għandna diversi proposti li issa jridu jiġu diskussi mal-membri u mal-partijiet interessati kollha. L-għan tagħna huwa li noħolqu sistema aħjar għall-futur tal-football Malti,” spjega Dr Paris, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni.
Huwa sostna li r-riforma tħares lejn il-football fit-totalità tiegħu, mill-età ta’ sitt snin sa 21 sena, b’attenzjoni partikolari lejn dawk it-tfal li għal xi raġuni jew oħra ma jibqgħux jipprattikaw il-logħba.
Waħda mill-akbar sfidi hija proprju li aktar tfal jersqu lejn il-football u li dawk li jkunu diġà bdew jipprattikawh jingħataw raġunijiet u opportunitajiet biex jibqgħu involuti.
“Ma nistgħux nibqgħu nitilfu tfal mill-football. Irridu naraw kif se nattiraw aktar tfal lejn il-logħba u fuq kollox kif se nżommuhom jilagħbu għal aktar snin,” kien il-messaġġ li wassal il-viċi-president tal-MFA.
Ir-riforma GoPRO hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin: aktar ħin ta’ logħob, aktar żgħażagħ li jibqgħu involuti fil-football u aktar għażliet għall-players.
Dawn il-prinċipji huma miġbura taħt il-motto From First Kick to First Team, li juri l-ambizzjoni tal-Assoċjazzjoni li toħloq perkors ċar mill-ewwel esperjenzi tat-tfal sal-football tal-kbar.
Dr Paris spjega li ġew ippreżentati għaxar inizjattivi ġodda li għandhom jolqtu diversi aspetti tal-football Malti, fosthom il-parteċipazzjoni tat-tfal, l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet u l-iżvilupp tal-players.
Fost il-proposti hemm tliet modi differenti kif tfal bejn sitt snin u 12-il sena jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-football, permezz tal-clubs, akkademji indipendenti u skejjel.
Ir-riforma tipproponi wkoll struttura ġdida għall-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ, bi tliet livelli differenti, sabiex il-clubs ikollhom aktar flessibbiltà skont ir-riżorsi tagħhom u l-ħtiġijiet tal-players.
Aspett importanti ieħor huwa t-tranżizzjoni lejn il-football tal-kbar, fejn qed jiġu proposti opportunitajiet permezz ta’ reġistrazzjoni doppja, regoli dwar players imrobbija fil-clubs u l-introduzzjoni ta’ timijiet B.
Wieħed mill-aktar aspetti importanti li ħarġu mill-preżentazzjoni ta’ Dr Matthew Paris kien il-bżonn li l-football Malti jadatta għar-realtajiet ġodda tas-soċjetà, partikolarment meta wieħed iqis li n-numru ta’ tfal u żgħażagħ f’pajjiżna qiegħed jonqos.
F’dan il-kuntest, l-Assoċjazzjoni trid toħloq ambjent fejn kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità li jipprattikaw il-football, irrispettivament mil-livell tekniku tagħhom jew mill-ambizzjonijiet li jkollhom.
Il-proposti għandhom ukoll l-għan li jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn players żgħażagħ jitilfu l-interess fil-logħba minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet jew ħin ta’ logħob.
Permezz ta’ aktar flessibbiltà u strutturi differenti, il-GoPRO għandha tgħin biex il-players isibu ambjent adattat għall-iżvilupp tagħhom.
Element ieħor importanti huwa li l-iżvilupp ta’ player ma jitkejjilx biss mir-riżultati miksuba fil-kompetizzjonijiet, iżda wkoll mill-progress individwali tiegħu.
Għalhekk, il-proposta tħares lejn il-ħolqien ta’ sistema li tagħti aktar importanza lill-parteċipazzjoni, lill-esperjenza u lill-iżvilupp fit-tul.
Din il-viżjoni għandha twassal biex il-clubs u l-akkademji jaħdmu aktar mill-qrib mal-Assoċjazzjoni, filwaqt li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar biex it-talent Malti jiġi identifikat, imrawwem u żviluppat b’mod kontinwu, għall-benefiċċju tal-football nazzjonali fis-snin li ġejjin.
Il-viċi-president tal-MFA għamilha ċara li l-proposti għadhom mhumiex deċiżjonijiet finali u li l-Assoċjazzjoni trid tisma’ l-opinjonijiet ta’ dawk kollha involuti.
“Dawn huma proposti li rridu niddiskutu. Irridu nisimgħu lill-clubs, lill-akkademji, lill-kowċis, lill-ġenituri u lill-players sabiex flimkien nilħqu l-objettivi tagħna,” spjega Dr Paris.
Il-konsultazzjoni se tibqa’ għaddejja sa Frar 2027, filwaqt li l-ewwel miżuri huma ppjanati għall-istaġun 2027/28. L-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma hija prevista għall-istaġun 2028/29.
Il-proposti jinkludu wkoll żieda fil-Fond għall-Iżvilupp taż-Żgħażagħ, li għandu jirdoppja minn €250,000 għal €500,000 fis-sena.
Il-Kandidatura għall-presidenza tal-MFA
Dr Paris ġie mistoqsi wkoll dwar il-possibbiltà li fil-futur jippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ President tal-Malta Football Association.
Huwa fakkar li fil-passat kien hemm ċirkostanzi differenti, iżda saħaq li bħalissa l-kariga mhijiex vakanti.
“Fil-passat kien hemm vakanza, iżda llum m’hemm l-ebda vakanza. Il-President tal-MFA huwa Bjorn Vassallo u meta jasal il-waqt nitkellmu dwar dan,” sostna DR Paris.
Iż-żewġ partiti li ġejjin ta’ Malta
Suġġett ieħor diskuss kien dak tat-tim nazzjonali Malti, li għandu quddiemu żewġ konfronti internazzjonali kontra Eswatini u Ġibiltà.
Dr Paris spjega li l-preparazzjoni għal dawn il-logħbiet hija importanti, partikolarment għall-konfront kontra Ġibiltà barra minn darna, li għandu tifsira speċjali għall-ambizzjonijiet tat-team nazzjonali.
“Aħna kuntenti b’dak li sar s’issa, iżda għandna logħbiet importanti ħafna. L-objettiv tagħna huwa li nirbħu l-grupp u niksbu l-promozzjoni,” qal Dr Paris.
Huwa enfasizza li l-ħidma trid tkompli sabiex il-progress miksub jiġi kkonsolidat u Malta tkun tista’ tilħaq l-objettivi tagħha.
Din l-intervista kompliet tenfasizza l-importanza li l-football Malti jinvesti fit-tfal u ż-żgħażagħ, mhux biss biex jipproduċi players għall-ogħla livelli, iżda wkoll biex aktar persuni jibqgħu involuti fl-isport.
Il-GoPRO għalhekk tirrappreżenta proposta għal bidla sostanzjali, li s-suċċess tagħha se jiddependi mill-kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni u l-partijiet kollha involuti.
L-ambizzjoni tibqa’ waħda: aktar tfal jilagħbu, aktar żgħażagħ jibqgħu fil-football u aktar players jingħataw opportunità biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.




