Tuesday, December 24, 2024

16,000 persuna żaru l-akbar fiera tal-kotba fuq il-baħar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilu sorġut fil-Port il-Kbir għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Magħruf bħala l-akbar fiera tal-kotba fuq il-baħar, l-MV Logos Hope qed jattira l-interess ta’ kull età, minn tfal sa adulti. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ilu f’pajjiżna dan il-vapur, diġà żaruh ‘il fuq minn 16,000 persuna.

L-Orizzont tela’ abbord il-Logos Hope fejn stajna naraw l-operat ta’ kuljum fuq il-vapur u anke l-famuża fiera tal-kotba li tant huwa magħruf għaliha. Dan il-vapur, li nbena fl-1973 fil-Ġermanja, għandu ekwipaġġ ta’  madwar 400 voluntier ġejjin minn pajjiżi diversi, ilkoll b’viżjoni li jaqsmu l-għarfien, jgħinu u joffru tama lin-nies madwar id-dinja kollha.

B’kollox, fuq il-Logos Hope, wieħed isib ‘il fuq minn 5,000 ktieb li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti inklużi xjenza, sports, passatempi, tisjir, arti, mediċina u anke dwar il-fidi. Dawn il-kotba jistgħu jinxtraw bi prezz imraħħas.

Sebastian Moncayo, wieħed mill-voluntiera fuq il-vapur, qalilna li l-ebda membru tal-ekwipaġġ ma jirċievi salarju iżda jagħmlu dan ix-xogħol b’mod volontarju. Dan stqarr li jagħmluh biex ikunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor biex iħeġġu fost oħrajn il-qari u jtejbu l-livell edukattiv.

Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li tul dan ix-xahar li l-Logos Hope ilu pajjiżna, il-poplu Malti u Għawdxi kkonkorra u ġie jżur dan il-vapur mhux biss għall-fiera li hemm fuqu iżda wkoll biex jara x’tinvolvi l-ħidma tagħhom. Huwa temm iħeġġeġ lil dawk li għadhom ma żarux biex jagħmlu dan u ma jitilfux din l-opportunità.

Il-vapur mistenni jsalpa minn Malta nhar il-Ħadd li ġej.

Ekonomija

Sport