Sunday, November 24, 2024

18-il entità jingħataw fondi għal proġetti favur persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

18-il entità, fosthom sitt kunsilli lokali u 12-il organizzazzjoni volontarja, ibbenefikaw minn skema ta’ €100,000 f’fondi li permezz tagħhom se jimplimentaw proġetti u inizjattivi fl-ispirtu tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema “Libertà li Tgħix”.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli spjegat li permezz ta’ dawn il-proġetti b’ideat konkreti, din l-istrateġija se tieħu l-ħajja u tibda tiġi attwata.

Semmiet kif ftit tax-xhur ilu, permezz tal-Istrateġija Nazzjonali li se tmexxi lil pajjiżna għat-tmien snin li ġejjin, pajjiżna beda l-ħidma biex isir aktar inklużiv, fejn il-persuni b’diżabilità jingħataw id-dritt ta’ aċċessibilità aħjar, id-dritt għad-divertiment u t-tgawdija tal-arti u l-kultura, u anke d-dritt għal trasport aċċessibbli.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li llum qegħdin naraw l-ewwel 18-il entità li ħadu rwol ta’ mexxejja biex jimplimentaw proġetti tanġibbli għall-ġid tal-persuni b’diżabilità. Spjegat li bejniethom dawn l-entitajiet se jibbenefikaw minn fondi ta’ €100,000.

Fost il-proġetti li bbenefikaw, il-ministru semmiet il-proġett tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li se jibda proġett ambizzjuż fejn l-infrastruttura fil-futur tar-raħal tinbena kif suppost. Bil-fondi, il-kunsill lokali se jirranġa r-rampi kollha fir-raħal u jiksihom bit-tactile stud ħalli dawk b’viżta batuta jew neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jħossu dak li jkun ġej bil-bastun. Dan il-proġett se jkun mifrux ukoll fil-qalba tal-pjazez u fil-bandli.

Għal tfal b’vizta batuta jew neqsin mid-dawl, il-Kunsill taż-Żurrieq se jinvesti f’aktar kotba bil-braille, filwaqt li se jixtri anke siġġijiet tar-roti li jaħdmu bil-batterija u walking aids, ħalli persuni b’diżabilità fiż-Żurrieq ikunu jistgħu jissellfuhom u jgħixu ħajja aktar indipendenti.

Fir-Rabat, il-kunsill lokali se jagħti s-saħħa lill-persuni b’diżabilità permezz ta’ vjaġġ u esebizzjoni ħajja u tanġibbli ta’ nies b’diżabilità, filwaqt li fl-Imqabba l-kunsill lokali se jinvesti fl-aqwa teknoloġija biex ikun hemm bandla aċċessibbli.

Flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ, il-Kunsill tal-Gżira se jaħdem mal-NGO ta’ persuni neqsin mid-dawl Non-Visual Network lejn għarfien imsejjes fuq bijoteknoloġiji naturali li ma fihomx GMOs u dwar kif lukandi, negozji, ċittadini u studenti jistgħu jnaqqsu t-tniġġis.

Minn dawn il-fondi se tibbenefika wkoll Birdlife Malta, li se tara li l-passaġġi fin-natura ta’ siti mmexxija minnha jkunu aċċessibbli u persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jħossu tabelli apposta biex ikollhom esperjenza kompluta.

Proġett ieħor hu dak ta’ Caritas Malta dwar l-epilessija, li flimkien ma’ trade unions ewlenin bħall-General Workers Union, l-UĦM Voice of the Workers u l-Malta Employers Association se jagħmlu kampanja kontra l-istigma u għarfien dwar is-suġġett fuq il-postijiet tax-xogħol.

Flimkien ma’ dawn, ibbenefika wkoll proġett tal-Malta Trust Foundation fejn permezz tal-mużika se tiġi offruta triq edukattiva li ssaħħaħ l-abilitajiet differenti ta’ tfal u żgħażagħ permezz tal-proġett ta’ Villa Bianca.

Barra minn dawn il-proġetti, ibbenefikaw ukoll proġetti oħrajn li qegħdin isiru minn għaqdiet non-governattivi fl-isport, għaqdiet tal-baned, u oħrajn.

Il-finalisti li ħadu l-fondi f’dan il-proġett huma l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun; il-Malta Wheelchair Basketball Association; BirdLife Malta; il-Grupp Flimkien Naslu; il-Balzan Football Club; il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem; il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq; il-Kunsill Lokali tar-Rabat; il-Kunsill Lokali tal-Imqabba; il-Kunsill Lokali tal-Gżira; il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan; JCI Malta; The Malta Trust Foundation; l-Aġenzija TAMA; il-Fondazzjoni Paulus; il-Caritas Malta Epilepsy Association; il-YMCA Malta; u s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju.

Sport