Thursday, April 18, 2024

Persuna minn kull ħamsa ta’ 60 sena jew aktar sal-2050

Aqra wkoll

B’persuna minn kull disgħa fid-dinja diġà għandha 60 sena jew aktar, iċ-ċifra li mistennija titla’ għal persuna minn kull ħamsa sas-sena 2050, l-anzjanità hija fenomenu li ma jistax ikun injorat aktar u Malta mhix xi eċċezzjoni. Malta hija msejħa tindirizza din l-isfida. F’dan il-proċess però m’għandniex inħarsu lejn in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala piż fuq l-iskemi attwali ta’ ħarsien soċjali, ir-realtà li l-popolazzjoni Maltija qiegħda tgħix aktar fit-tul hija għajn ta’ ċelebrazzjoni u opportunità biex nifhmu l-importanza tal-anzjanità attiva. Tassew, l-anzjani huma ġawhar fis-soċjetà lokali. L-espejenza u l-għerf li jħaddnu, huma essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada. 

L-istampa sterjotipata ta’ nies akbar fl-età bħala persuni passivi li jbatu minn dgħufija fiżika u mentali, għadda żmienha. Aktar ma jkun hemm nies li jibqgħu fuq tagħhom u b’saħħithom għal aktar snin, aktar se jkomplu jkollhom rwol importanti fis-soċjetà saħansitra wara l-età statutorja tal-waqfien mix-xogħol. Kien għalhekk li l-gvern dejjem tenna fuq l-importanza tal-anzjanità attiva. Dejjem ħares lejha bħala parti essenzjali mill-politika ewlenija tiegħu dwar il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà. Kien għalhekk li kif l-Partit Laburista ha t-tmun tal-pajjiż f’idejh, ħadem fuq Politika Strateġika Nazzjonali Għal Anzjanità Attiva: Malta 2014-2020 li permezz tagħha mar kontra l-istatus quo billi nqata’ mill-pożizzjoni tradizzjonali li torbot it-tielet parti tal-ħajja ma’ instabbiltà fiżika u mentali, u minflok għażel li jistinka biex ikun hawn ċelebrazzjoni tal-ġenerazzjonijiet akbar bħala riżors imprezzabbli u produttiv li ma jkunx imxekkel minn ideat u metodi skaduti. Kien għalhekk li l-budgets li ppreżenta l-gvern tul dawn l-aħħar snin kellhom fost il-miri prinċipali tagħhom l-objettiv illi jistimulaw l-anzjanità attiva. 

Ħafna sar però għad baqa’ ħafna xi jsir biex niggarantixxu l-interess ta’ din il-faxxa importanti tas-soċjetà Maltija. L-għerf u l-esperjenza tal-anzjani tagħna hija ferm importanti għal pajjiżna u dan irid jiġi protett permezz ta’ interventi aktar immirati. L-impatt fuq livell ta’ saħħa mentali u fiżika fuq l-anzjani kien enormi u huwa importanti li nkomplu ngħinu permezz ta’ intervent aktar aggressiv min-naħa ta’ social workers u carers. Irridu wkoll nindirizzaw aħjar il-pjaga tas-solitudni u tal-faqar ekonomiku u soċjali. Aktar irid isir biex jiġi ggarantit s-sigurtà tal-anzjani. 

Ekonomija

Sport