184 vittma tal-vjolenza domestika bbenefikaw mill-apparat tal-Panic Alarm fl-ewwel sena

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

184 vittma tal-vjolenza domestika bbenefikaw mill-apparat tal-Panic Alarm matul l-ewwel sena minn meta ġiet introdotta din l-iskema mill-Gvern. Minn dawn, 179 kienu nisa u ħamsa kienu rġiel. F’16-il każ, il-vittmi ngħataw dan l-apparat aktar minn darba, filwaqt li f’Għawdex tqassmu 10 apparati, kollha lil vittmi nisa.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt l-ewwel żjara uffiċjali tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, fl-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità (Victim Support Agency – VSA), fejn iltaqa’ mat-tmexxija u l-professjonisti tal-aġenzija biex jiġi infurmat dwar il-ħidma tal-Aġenzija u s-servizzi offruti lill-vittmi tal-kriminalità.

Matul iż-żjara, il-Ministru kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ ma’ vittma tal-vjolenza domestika li bbenefikat mill-apparat tal-Panic Alarm, li spjegat kif din is-sistema mhux biss tagħti sens akbar ta’ sigurtà, iżda sservi wkoll bħala mezz importanti ta’ appoġġ u serħan il-moħħ f’mumenti ta’ riskju.

L-apparat tal-Panic Alarm jingħata lill-vittmi tal-vjolenza domestika li jagħmlu rapport mal-Pulizija u li, wara risk assessment professjonali, jiġu identifikati bħala persuni li jinsabu f’riskju għoli. Meta jiġi attivat, l-apparat jippermetti rispons immedjat mill-awtoritajiet, u b’hekk joffri saff ieħor ta’ protezzjoni lill-vittmi.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Glenn Bedingfield faħħar il-ħidma tal-Aġenzija u qal li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni u l-appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

“Il-protezzjoni tal-vittmi tibqa’ prijorità ewlenija. L-introduzzjoni tal-Panic Alarm kienet pass ieħor konkret biex nagħtu aktar sigurtà u serħan il-moħħ lil dawk li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Flimkien mas-servizzi professjonali offruti mill-Aġenzija, din l-għodda qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies,” qal il-Ministru Bedingfield.

Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tal-Aġenzija għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li sostna li l-ħidma tagħhom hija essenzjali biex il-vittmi jingħataw l-għajnuna meħtieġa tul il-proċess kollu.

L-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi, fosthom informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, appoġġ emozzjonali, pariri legali mingħajr ħlas, kif ukoll akkumpanjament waqt il-proċeduri fil-qorti. Mill-bidu tal-operat tagħha ħames snin ilu, l-Aġenzija wettqet aktar minn 7,000 intervent favur vittmi ta’ diversi reati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Brian Farrugia, qal li l-għan ewlieni tal-VSA huwa li kull vittma tingħata l-appoġġ meħtieġ sabiex tħossok protetta u sostnuta tul il-proċess kollu.

“L-Aġenzija tappoġġa lill-vittmi tal-kriminalità f’kull pass, tgħinhom iħossuhom aktar siguri u tibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet permezz ta’ għodod diskreti bħall-Domestic Violence Panic Alarm. Din hija inizjattiva li qed tagħti aktar serħan il-moħħ lill-vittmi u tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tagħhom,” qal is-Sur Farrugia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport