Il-GWU tappella għal rikonoxximent lill-ħaddiema tal-Enemalta u għal konsum responsabbli tal-enerġija

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-General Workers’ Union ipproponiet li l-ħaddiema tal-Enemalta għandhom ikunu kkumpensati għax-xogħol li qegħdin jagħmlu f’kundizzjonijiet estremi biex jipprovdu l-elettriku lill-familji.
Kien is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri li stqarr dan f’kummenti li għadda lil dan il-ġurnal fi tmiem il-laqgħa tal-MCESD li trattat l-investiment li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.
Huwa qal li l-laqgħa kienet waħda interessanti u pożittiva fejn il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli flimkien mal-Inġiniera rispettivi taw spjegazzjoni dettaljata tax-xogħol li għaddej bħalissa mill-ħaddiema tal-Enemalta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li “l-GWU ssuġġeriet li l-ħaddiema jingħataw kumpens addizzjonali minn dak li jistabbilixxi l-ftehim kollettiv.”
Huwa kompla jgħid li l-Ministru Dalli tat ukoll l-assigurazzjoni li l-investiment li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jibqa’ għaddej. Fl-istess waqt, Camilleri nnota kif id-domanda għall-elettriku fil-jiem li għaddew saħansitra laħqet rekord ta’ 741MW.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU rrefera wkoll għall-investiment massiċċ li qed isir f’dan il-qasam inkluż fiċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni, il-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija u anke l-ħidma li għaddejja fuq it-tielet interconnector.
Huwa temm b’appell biex kulħadd ikun responsabbli fl-użu tal-enerġija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport