Fl-2025 id-Deaf & Hard of Hearing Unit tal-Aġenzija Sapport offra appoġġ lil 44 persuna neqsin mis-smigħ
Professjonisti minn Aġenzija Sapport attendew sessjoni ta’ taħriġ dwar il-lingwa tas-sinjali u l-kultura tal-persuni neqsin mis-smigħ, bħala parti mill-isforzi kontinwi sabiex jissaħħu s-servizzi ta’ inklużjoni u jitjieb l-aċċess għall-komunikazzjoni.
Is-sessjoni kienet immexxija minn Emma Ripard Xuereb mid-Deaf & Hard of Hearing Unit ta’ Aġenzija Sapport u għaliha attendew social workers, occupational therapists, membri tal-maniġment u professjonisti oħra tal-Aġenzija. It-taħriġ iffoka kemm fuq il-fehim tal-kultura tal-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll fuq aspetti prattiċi tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, bl-appoġġ tat-tim tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali.
Matul is-sessjoni, il-parteċipanti ngħataw għarfien dwar kliem bażiku bil-lingwa tas-sinjali maltija u kif jikkomunikaw b’mod aktar effettiv ma’ persuni neqsin mis-smigħ. Intwerew ukoll kif jistgħu jippromwovu ambjent aktar inklussiv kemm fis-servizzi professjonali kif ukoll fil-komunità. L-element prattiku tas-sessjoni introduċa wkoll termini bażiċi bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Id-Deaf & Hard of Hearing Unit ġie stabbilit lejn l-aħħar tal-2024 u beda jopera matul l-2025 bil-għan li jipprovdi sapport u gwida lil persuni neqsin mis-smigħ u lill-familjari tagħhom, filwaqt li jippromwovi l-użu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Is-servizz joffri sessjonijiet ta’ għarfien, interventi individwali u home visits imfassla skont il-bżonnijiet tal-persuna u tal-familja tagħha, sabiex jiżdiedu l-aċċessibilità u l-inklużjoni.
Fl-2025, is-servizz ta appoġġ lil 44 persuna neqsin minn smigħ. Matul din is-sena diġà saru sessjonijiet individwali u home visits ma’ studenti neqsin mis-smigħ, filwaqt li tmien sessjonijiet ta’ taħriġ ingħataw lil professjonisti ta’ Aġenzija Sapport. Sal-aħħar tas-sena huma ppjanati aktar sessjonijiet ta’ taħriġ, filwaqt li matul is-sajf ser isiru wkoll sessjonijiet għal studenti neqsin mis-smigħ u l-familji tagħhom, b’kollaborazzjoni mat-tim tal-interpreti.
Id-Deaf & Hard of Hearing Unit jaħdem ukoll mill-qrib ma’ entitajiet bħall-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), il-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, id-Deaf People Association Malta (DPAM) u l-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni fit-Teknoloġija Assistiva (FITA), sabiex ikompli jsaħħaħ is-servizzi u jindirizza l-bżonnijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ permezz ta’ teknoloġija assistiva u inizjattivi oħra.
Waqt żjara matul waħda minn dawn is-sessjonijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia saħqet li l-inklużjoni tibda minn komunikazzjoni aċċessibbli u minn professjonisti mħarrġa biex jifhmu u jirrispondu għall-bżonnijiet ta’ kull individwu. “L-inklużjoni vera ma tfissirx biss li noffru servizz, iżda li niżguraw li kull persuna tkun tista’ tikkomunika, tipparteċipa u tħossha parti mis-soċjetà. Permezz ta’ investiment fit-taħriġ tal-professjonisti u fis-servizzi speċjalizzati, qed nibnu sistema aktar sensittiva, aktar aċċessibbli u aktar qrib il-persuni neqsin mis-smigħ u l-familji tagħhom. Għalina, kull persuna tgħodd u ħadd m’għandu jitħalla lura,” spjegat il-Ministru Farrugia. Spjegat ukoll li fil-xhur li ġejjien se jibda proġett ta’ clips qosra online fuq livell nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, sostna li inizjattivi speċjalizzati bħal dawn qed isaħħu u jikkumplimentaw is-servizzi offruti mill-Aġenzija. Huwa spjega li, permezz ta’ kollaborazzjoni kontinwa ma’ persuni li jagħmlu użu mis-servizzi kif ukoll ma’ entitajiet oħra, l-Aġenzija qed tkompli tiżviluppa mudell ta’ servizzi integrati li jtejjeb l-aċċess għall-komunikazzjoni u jsaħħaħ l-inklużjoni għal persuni b’diżabilità, filwaqt li jingħata sostenn lill-familjari u lill-professjonisti li jaħdmu magħhom.

