Għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ball of the August Moon; it-tielet edizzjoni taħt il-Presidenza tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono.
Waqt li żaret il-Kastell Verdala, fejn għada se jsir dan il-ballu storiku b’risq il-Malta Community Chest Fund, il-President ta’ Malta segwiet l-aħħar tħejjijiet u ltaqgħet mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u ta’ entitajiet privati li qed jaħdmu bla heda biex dawk kollha li jattendu jgawdu esperjenza unika.
F’kummenti lill-midja, il-President irrikonoxxiet il-ħidma li ilha għaddejja għall-aħħar ġimgħat, u li wasslet biex kienet irreġistrata żieda konsiderevoli fil-konkorrenza għall-edizzjoni ta’ din is-sena, tant li sa ġimagħtejn ilu kienu nbiegħu l-biljetti kollha disponibbli.
Kien spjegat ukoll kif din is-sena ngħatat attenzjoni partikolari biex matul il-Ballu tispikka l-arkitettura tal-Kastell Verdala, b’tiżjin li jinkludi bandalori li jirriflettu l-istorja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, waqt li jiġi offrut repertorju varjat ta’ divertiment, minn klassiku sa modern, li jikkumplimenta l-istorja tal-Kastell.
Il-President irringrazzjat lil dawk kollha li se jattendu għall-Ball of the August Moon ta’ din is-sena, fosthom diplomatiċi minn missjonijiet barranin li jservu f’pajjiżna. L-Eċċellenza Tagħha fakkret li din l-attività hi waħda mill-ewlenin u li l-iktar irendu fondi neċessarji għall-missjoni tal-Malta Community Chest Fund, li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn tkompli tappoġġa lil dawk kollha li jirrikorru għandha għal għajnuna finanzjarja, psikoloġika u soċjali.
Il-Ball of the August Moon ta’ din is-sena qed isir bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, Enemed, Marsovin u Happy Initiative, fost diversi entitajiet governattivi u privati oħra.

