Iż-żewġ timijiet Maltin li qed jieħdu sehem fil-European Team Shield Championships 2026 li qed isir f’pajjiżna għaddew għall-finali tal-lum biċ-ċans li saħansitra jirbħu t-trofew rispettiv.
It-tim tal-irġiel magħmul minn Ruud Critien, Andrew Borg, Oliver Davis u JJ Micallef Verlest għelbu lil-Latvja 2-1. Ma kienx konfront faċli għall-plejers Maltin li minkejja kollox żammew il-konċentrazzjoni meħtieġa minkejja s-sħana li ħakmet sew il-gżejjer Maltin kif ukoll il-pressjoni li kien fiha din il-logħba. Illum huma jilagħbu kontra t-Turkija li min-naħa tagħhom għelbu lill-Bulgarija 2-1 fis-semifinali l-oħra.
Anke n-nisa Maltin kellhom logħba pożittiva wara li għelbu lil San Marino 2-1. It-tim magħmul minn Eliana Buhagiar, Laya Cristina, Serena Falzon Sant Manduca u Filipps Schulze Doering kellu konsistenza liema bħalha minkejja l-avversarji minn San Marino li kienu ferm tekniċi u baqgħu fil-logħba l-ħin kollu. Anke n-nisa Maltin għandhom konfront kontra t-Turkija li min-naħa tagħhom għelbu lil Bulgarija żewġ punti u nofs b’nofs punt (2.5-0.5).
B’hekk il-Maltin għandhom midalja assigurata filwaqt li jaspiraw li saħansitra jmorru għall-midalja tad-deheb u jirbħu din il-kompetizzjoni li qed issir f’pajjiżna għall-ewwel darba.





